Simeon Nechev – Page 19 – One News

Simeon Nechev

“Ma nistennix lil min ma jridnix fil-grupp tiegħu” – David Agius

Jien mhux ser noqgħod nistenna lil min ma jpoġġinix fil-grupp tal-preferuti tiegħu. Hekk iddikjara l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius b’referenza għall-fazzjonijiet fil-partit.

“Ma noqgħodx nistenna lil min ma jpoġġinix fil-grupp tal-preferuti tiegħu”

Din id-dikjarazzjoni xxejjen dak li qal fl-aħħar jiem id-deputat Claudio Grech, li fuq l-istazzjon nazzjonali qal li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx fazzjonijiet.

Waqt li kien qed jieħu sehem fi programm fuq l-istazzjon Smash, id-deputat Nazzjonalista qal li ma ħax pjaċir bil-mod kif tkellmu ċertu deputati nazzjonalisti u li kieku kien flokhom, ma kienx jagħmel bħalhom.

Dan b’referenza ċara lejn deputati bħal Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Therese Comodini Cachia u diversi membri parlamentari oħrajn mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

“Jien għandi deputati li ma niħux pjaċir li f’ċertu okkażjonijiet ma niħux pjaċir nismagħhom jitkellmu. Kieku kont flokom ma kontx nitkellem b’dak il-mod.”

Qal ukoll li bil-kitbiet li qed isiru hemm lok li jsir id-deni.

“B’li se nikteb ħa nagħmel ġid lill-partit u l-pajjiż? Jew ħa nagħmel deni? Kull min jikteb xi ħaġa li m’għandux jiktibha, kulħadd wara ddispjaċih għax għaġġel. Hawn min żbalja u reġa waqa’ u hawn min le.”

U fi sfond ta’ iżjed argumenti u ġlied dwar jekk il-proċess tal-firem li qed jinġabru sabiex Adrian Delia jitlob vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali jistax isir jew le, Agius iddikjara li dak li għandu jsir irid isir skont l-istatut tal-Partit.

Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat wara t-telfiet elettorali massiċċi, il-fazzjoni ta’ Busuttil intensifikat il-kampanja tagħha sabiex Adrian Delia jirreżenja jew jitneħħa minn Kap Nazzjonalista.

“Irridu naraw li dak li jsir, isir skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista.”

Il-Viċi-Kap Nazzjonalista tenna wkoll l-akkuża lill-fazzjoni ta’ Busuttil li qed tagħmel il-ħsara fil-partit meta dan ikun beda miexi ‘l quddiem.

“Għalhekk ikun hemm min qed jara l-partit miexi ‘l quddiem u forsi jara kif jagħmel biex jiġbdu lura.”

Ippreżentata r-riforma fil-kera – se jiddaħħal perjodu minimu ta’ kirjiet flimkien ma’ inċentivi lis-sidien


Mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla se tidħol fis-seħħ ir-riforma fil-liġi li tal-kera li fost oħrajn tobbliga lis-sidien jirreġistraw kull kirja għal skop residenzjali mal-Awtorità tad-Djar. Il-kuntratt tal-kirja ma jistax ikun anqas minn sena u ma jistax jiżdied b’aktar minn ħamsa fil-mija fis-sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li matula ngħataw id-dettalji tar-riforma, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-liġi mhix xi ħaġa iżolata iżda li għall-ewwel darba pajjiżna għandu pjan ċar fil-qasam tal-housing.

Dr Muscat qal li r-riforma tindirizza l-inċertezza u tensjoni kbira fost grupp relattivament żgħir ta’ familji li jikru fejn sal-lum sid il-kera seta’ jitfagħhom il barra jekk ma jagħtuhx il-kirja li jitlobhom. Dr Muscat qal li dan il-gvern ma setax jittollera din is-sitwazzjoni u għalhekk li l-Gvern qed jindirizzaha permezz ta’ din il-liġi.

“8% tal-households Maltin u Għawdxin li qegħdin f’dak li sal-lum kienet ġungla. Ħadd ma jaf xejn u kulħadd jista’ jagħmel li jrid. Daqqa tiġik tajba u daqqa tiġik ħażina. Dak li ppruvajna nindirizzaw”

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-gvern mar għal riforma li jinċentiva lis-sidien flok li jippenalizzahom.

Fi preżentazzjoni li saret tal-liġi l-ġdida, ingħad li l-kirjiet f’din ir-riforma ma jinkludux il-kirijiet ta’ qabel l-1995 u jittrattaw biss kirjiet residenzjali u mhux kummerċjali.

Il-liġi l-ġdida li tidħol fis-seħħ mill-ewwel ta’ Jannar tobbliga lis-sid jirreġistra l-kirja flimkien ma’ inventarju tal-oġġetti kollha. Fin-nuqqas ta’ dan se jidħlu fis-seħħ multi ta’ bejn €2,500 u €10,000.

F’każ  ta’ kirja ta’ sena, min qed fil-kera ma jistax jinħall mill-kuntratt qabel xahrejn u jrid javża lil sid il-kera mill-inqas xahar.Min-naħa l-oħra f’każ li sid il-kera jkun irid itemm il-kuntratt, irid jgħarraf lill-inkwilin tliet xhur qabel jintemm il-kuntratt u jekk ma jagħmilx dan, il-kirja tiġġedded waħidha għal sen’oħra.

F’kaz ta’ kirja ta’ sentejn, l-inkwilin huwa marbut għal minn tal-inqas 4 xhur. Il-perjodu ta’ nofitika biex jitlaq mill-proprjetà ikun ta xahrejn.

Matul il-perjodu tal-kirja il-kerrej jista jgħolli r-rata tal-kirja darba biss għal massimu ta’ 5% tal-indiċi tal-prezz tal-proprjetà.

F’kaz ta’ kirja ta’ 3 snin jew iżjed, l-inkwilin huwa marbut għal minn tal inqas 6 xhur, bil-perjodu ta’ notifika biex jitlaq mill-proprjetà ikun ta’ tliet xhur. Matul dan iż-żmien il-kerrej jista jgħolli ir-rata tal-kirja darba f’sena.

Il-liġi l-ġdid tinċentiva wkoll lis-sidien biex joffru kirjiet fit-tul. Dawk li joffru kirja ta’ sentejn jew aktar se jingħataw inċentiv fiskali ta’ bejn €200 u €500 skont id-daqs tal-post u t-tul tal-kirja.

F’każijiet ta’ żgumbrament, ir-riforma taħseb li l-kerrej jieħu lura ċ-ċwievet malajr kemm jista jkun billi se tiddaħħal il-proċedura li ġudikant jiddeciedi fl-ewwel seduta.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes saħaq li r-riforma tfassele wara perjodu ta’ konsultazzjoni.

“L-idea tagħna hija stabbilità fit-tul. Aħna nifhmu li dan huwa settur sensittiv li xtaqna wkoll nitkellmu mal-istakeholders kollha involuti għalhekk domna nitkellmu u niddiskutu biex illum wasalna għall-prodott finali”

Il-liġi tipprovdi wkoll li l-Awtorità tad-Djar tieħu rwol iktar wiesgħa, bi twaqqif ta’ dipartiment ġdid li se jiffoka biss fuq il-kirjiet privati.

Il-Kap Eżekuttiv Leonid McKay qal li l-ħidma tad-diparitment se tiffoka fuq it-tilwim bejn l-inkwilin u sid il-kera.

“Wieħed mill-irwoli ewlenin tal-Awtorità tad-Djar huwa li tara li fejn hemm tilwim li sa issa huwa fuq maintenance, depożitu, affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawl u ilma – hemmhekk fejn ix-xogħol tal-Awtorità ħa tkun li tindirizza tilwim sabiex ikollna ħafna iżjed suq stabbli li jgħin liż-żewġ partijiet.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-bord li jirregola l-kera se jkun magħmul minn iktar minn ġudikant wieħed għal iktar ħeffa u effiċjenza.

Send this to a friend