Simeon Nechev – Page 15 – One News

Simeon Nechev

Notifiki

Il-Prim Ministru jilqa’ lil Bjorn Vassallo f’Kastilja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ f’Kastilja lill-President il-gdid tal-MFA Bjorn Vassallo.

Fil-laqgħa Vassallo qal li jinsab onorat bl-istedina tal-Prim Ministru kif ukoll bil-fiducja li ngħata sabiex imexxi l-Federazzjoni Maltija tal-futbol.

Qal li huwa se jaħdem bis-saħħa biex ikun hemm legat b’saħħtu fl-iżvilupp tal-futbol lokali.

Dr Muscat qal li l-MFA hija l-federazzjoni sportiva ewlenija ta’ pajjizna u għaldaqstant il-gvern ħa jkun qed jaħdem mal-MFA fuq il-pjan strateġiku li jrid jitwettaq għall-futbol Malti.

Saħaq li hemm il-bżonn mhux li ninħbew wara subgħajna imma li ntejjbu l-futboll fil-livelli kollha, ħalli fejn ma wasalniex fl-aħħar snin, ikun hemm fiduċja li bħala pajjiż wieħed naslu.

Approvata r-riġenerazzjoni tal-korsa tal-Marsa

Il-Parlament approva b’mod unanimu l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Permezz ta’ dan il-proġett il-korsa se tgħaddi f’idejn il-privat b’konċessjoni għal 65 sena.

Minn dan il-ftehim, il-Gvern se jdaħħal miljun ewro fis-sena.

Is-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima spjega kif bħala parti minn dan l-investiment il-konsorzju privat se jkun marbut jagħmel investiment ta’ 28 miljun ewro fl-infrastruttura sportiva fil-Marsa.

“Illum, għandna l-korsa taż-żwiemel li hi fi stat dilapidat u ħa tiġi riġenerata. Ħa jkollok area sħiħa b’investiment fl-aspett sportiv biss ta’ €28 miljun li permezz tiegħu d-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel ħa jkunu qed jibbenefikaw.”

Il-korsa se tkun kapaċi tilqa’ mat-3,400 persuna, filwaqt li se jinbnew ukoll spazji miftuħa kif ukoll park għall-familji.

Barra minn dan, se tinbena faċilità kontra d-doping kif ukoll spazju għal 1,200 karozza.

Dr Grima fisser ukoll kif wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ numru ta’ stakeholders, ġew assigurati numru ta’ benefiċċji għal ġerrejja, fosthom li jiżdiedu l-premijiet tat-tiġrijiet b’10%, li jkomplu jiżdiedu bi tlieta fil-mija kull sena.

Din iż-żieda se tiġi ssalvagwardjata billi l-prezz sabiex wieħed jirkeb iż-żiemel se jibqa’ l-istess.

Is-Segretarju Parlamentari spjega wkoll li minbarra r-riġenerazzjoni tal-korsa, il-korsa innifisha se tikber hekk kif intlaħaq ftehim mal-klabb tal-Polo.

“Wasalna fi ftehim mal-Malta Polo Club għall-modalità tal-użu tal-faċilitajiet sportivi li diġa qegħdin jużaw. Ħa jkun hemm upgrade tal-faċilitajiet kollha sportivi. Il-korsa qed qiegħda tikber. Se jsir investiment qawwi ħafna f’dak li għandu x’jaqsam anke bħala l-wiċċ tal-korsa. Fejn bħalissa jintlagħab il-polo aħna qegħdin naraw li jinżera t-terf.”

Il-konsorzju se jkun marbut li jwettaq il-proġett komplut f’erba’ snin, bl-ewwel fażi, dik tal-faċilitajiet sportivi li trid titlesta fi żmien 18-il xahar.

Wara konsultazzjoni ma’ diversi għaqdiet tal-annimali u l-konsorzju, il-proġett mhux se jinkludi faċilità għat-tiġrijiet tal-klieb.

“Kien hemm qbil li tiġrijiet tal-klieb ma jidħlux fil-proġett, ħassejna bħala gvern li nimxu mar-rieda tal-partijiet kollha involuti.”

Dr Grima spjega li permezz ta’ din ir-riġenerazzjoni qed ikompli jissaħħaħ l-impenn tal-gvern fil-qasam sportiv filwaqt li jimmassimizza r-ritorn fuq l-art.

“Naħseb li dan huwa xhieda ta’ kemm il-gvern aħna rajna li nsaħħu s-settur sportiv ġewwa pajjiżna u fl-istess waqt il-poplu jkun qed jieħu ritorn li tista ssejjaħlu ġust.”

 

 

 

AĠĠORNAT: Is-Soċjalisti se jappoġġjaw in-nomina ta’ von der Leyen

Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi se jivvota favur in-nomina ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.

Fi stqarrija il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qal li wara l-wegħdi bil-miktub li għamlet von der Leyen kif ukoll kjarifikazzjonijiet li hija għamlet waqt id-dibattitu dalgħodu, il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ddeċieda li jappoġġja din in-nomina.

Dan b’kundizzjoni li von der Leyen tattwa dawn il-wegħdiet.

Il-President tal-grupp Iratxe Garcia qalet li minkejja x-xettiċiżmu inizzjali, von der Leyen qablet mat-talbiet li għamel il-grupp bi proposti speċifiċi dwar leġislazzjoni.

Kien one.com.mt li iktar kmieni żvela li ħafna deputati soċjalisti kienu lesti li jappoġjaw in-nomina ta’ Von der Leyen.

Iktar qabel: Il-Membri Parlamentari Ewropej bdew jivvutaw dwar in-nomina ta’ Ursula von der Leyen għal President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan wara d-diskors li hi għamlet u d-dibattitu mal-Membri Parlamentari Ewropej iktar kmieni dalgħodu.

Sorsi li tkellmu ma’ ONE News fi Strasburgu fl-aħħar minuti spjegaw li minbarra l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew, Von Der Leyen mistennija tgawdi mill-appoġġ ta’ ħafna mid-deputati soċjalisti. Għad mhux magħruf iżda kemm appoġġ Von Der Leyen qed tgawdi fost il-liberali.

Il-grupp tal-ħodor min-naħa l-oħra diġa ddikjara li ser jivvota kontra n-nomina tal-Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja.

B’kollox huma mistennija jivvutaw 747 Membru Parlamentari Ewropew, bl-appoġġ ta’ mill-inqas 374 deputat ikun biżżejjed biex von der Leyen tinħatar.

F’każ li l-Parlament jivvota kontra, tqum dik li diversi membri parlamentari Ewropej fissru bħala kriżi inter-istituzzjonali, hekk kif il-Parlament jkun ċaħad in-nomina li saret mill-Kunsill Ewropew.

F’ċirkustanza bħal din, il-Kunsill Ewropew irid jinnomina isem ieħor fi żmien xahar.

Ir-riżultat tal-votazzjoni mistenni jkun magħruf sat-8 ta filgħaxija.

 

Send this to a friend