Neil Azzopardi Ferriggi | One News - Part 6

Neil Azzopardi Ferriggi

Notifiki

Votazzjoni bikrija fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali

Il-Kummissjoni Elettorali fetħet ir-reġistrazzjonijiet għal dawk il-persuni li fil-25 ta’ Mejju ma jistaw jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Dan għax se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar.

Il-votazzjoni bikrija se ssir ġimgħa qabel l-elezzjonijiet – jiġifieri s-Sibt 18 ta’ Mejju fil-‘counting hall’ tan-Naxxar.

Aqra aktar

Jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq il-każ ta’ ħasil ta’ flus – se jibqgħu arrestati b’rabta mal-qtil DCG

L-aħwa George u Alfred Degiorgio li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ingħataw il-ħelsien mill-arrest dwar każ ta’ ħasil ta’ flus. Madankollu huma xorta se jibqgħu jinżammu arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia. Flimkien mal-aħwa Degogio qed jiġu akkużati wkoll is-sieħba ta’ George Degorgio  – Anca Adelina Pop.

L-aħwa Degorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu flimkien ma’ Adelina Pop, tressqu l-qorti wara li l-Pulizija kompliet tistudja sew il-ħajja tal-akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Hija kienet sabet biżżejjed provi ta’ ħasil ta’ flus biex dawn jitressqu l-Qorti f’każ separat u akkużati kompletament differenti.

Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €35,000 u garanzija personali ta’ €35,000.

Omm u bint iż-żewġ vittmi fl-inċident tat-traffiku fl-Imġarr

Destin kiefer għal Graziella Mallia ta’ 53 sena u bintha Fallon ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar li għall-ħabta tat-tmienja u nofs tal-Ħadd filgħaxija tilfu ħajjithom flimkien f’ħabta frontali li seħħet fi Triq l-Imġarr, l-Imġarr.

Fl-inċident indarbu wkoll seba’ persuni fosthom omm Graziella, anzjana ta’ 77 sena u t-tifel ta’ Fallon ta’ 12-il sena li kienu rekbin fuq wara flimkien ma’ żewġ passiġġieri oħra fl-istess karozza tal-għamla Maruti 800. Huma jinsabu fil-periklu tal-mewt u għadhom rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Il-familja Żabbarija kienet involuta f’ħabta ma’ karozza tal-għamla Audi A1 ta’ lewn aħmar u fiha kien hemm erba’ persuni fosthom tarbija ta’ sena u żewġt itfal, waħda ta’ 11-il sena li ġarrbet ġrieħi gravi u tifel ta’ 10 snin li ndarab ħafif. Is-sewwieq ta’ 31 sena mill-Mosta ndarab gravi wara li mad-daqqa spiċċa bil-karozza mdendla f’parti tat-triq li qed titwessa’.

F’tebqa t’għajn waslu fuq il-post numru ta’ ambulanzi mmexxija mit-tobba tal-emerġenza Michael Spiteri u Jonathan Joslin li sabu quddiem għajnejhom xena mill-aktar makabra biż-żewġ nisa mejtin fuq quddiem u b’għadd ta’ persuni oħra midruba u maqbuda fil-karozza. Hawnhekk bdiet ħidma kontra l-ħin mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu lill-vittmi mit-tifrik tal-karozzi.

Minħabba l-gravità tal-każ id-Dipartiment tal-Emerġenza ddikjara inċident maġġuri u talab lill-pubbliku biex imur l-isptar biss f’każ ta’ emerġenza.

Kienu għall-ħabta tas-siegħa tat-Tnejn filgħodu li l-vittmi ttieħdu minn fuq ix-xena tal-inċident permezz ta’ hearse.

ONE News jinsab informat li t-Tnejn filgħodu saru l-awtopsi fuq iż-żewġ katavri waqt li l-investigaturi komplew jitkellmu ma’ sewwieqa li inzertaw kienu għaddejjin mill-inħawi.

Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu ma’ ONE News l-Maruti kienet qed tinstaq mill-Imġarr fid-direzzjoni lejn ir-‘roundabout’ meta għal xi raġuni marret fuq in-naħa l-oħra tat-triq u baqgħet dieħel fl-Audi li kienet qed tinstaq lejn l-Imġarr.

Intant, il-mewt ta’ Graziella u bintha Fallon li skont bosta kienu qishom ħobża u sikkina, ħasdet lill-komunità Żabbarija b’mod partikolari lis-soċjetà Filarmonika Madonna tal-Grazzja li kienu mseħbin fiha.

Fuq il-midja soċjali spikkaw kummenti ta’ diversi persuni, fosthom dawk li jiftakru l-vittmi jżuru lir-residenti fid-Dar tal-Providenza.

Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Chairmane Galea li ħatret diversi esperti fosthom it-tabib forensiku Mario Scerri u l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg biex jgħinuha fl-inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Clayton Camilleri mill-Għassa tal-Qawra u l-Ispettur Pierguido Saliba mit-taqsima tat-traffiku.

 

Qabda 91 kilo kokaina b’valur ta’ €10 miljuni

Fl-aħħar sigħat, f’operazzjoni li ħadet xejn inqas minn dsatax-il siegħa, l-uffiċjali tad-Dwana għamlu qabda kbira oħra ta’ droga kokaina ta’ aktar minn wieħed u disgħin kilogramma.

Id-droga nstabet f’sitta u sebgħin pakkett u l-valur tagħha fit-triq jammonta aktar minn għaxar miljun ewro.

ONE News huwa nfurmat li din id-droga nstabet fi tliet kontejners fil-Port Ħieles.

Tnejn mill-kontejners ġew Malta mill-Amerka t’Isfel u kienu sejrin l-Albanija, filwaqt li kontejner ieħor – li wkoll oriġina minn pajjiż fl-Amerka t’Isfel, kien fi triqtu lejn Thessaloniki fil-Greċja.

Din is-sena id-Dipartiment tad-Dwana sab aktar minn sitt mitt kilogramma kokaina b’valur ta’ aktar minn tmienja u sittin miljun ewro.

Jibda l-istampar tad-dokumenti tal-vot għall-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej

Għaddej ġmielu l-istampar tal-voti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej. B’kollox qed jiġu stampati aktar minn 800,000 dokument tal-vot.

Dan il-proċess – li beda l-Ġimgħa wara nofsinhar, qed isir fl-istamperija tal-Gvern u mistenni jkun lest il-ġimgħa d-dieħla biex nhar it-Tnejn 22 t’April jibda t-tqassim tal-voti bieb bieb.
Is-Sibt filgħodu, ONE News bakkar fl-istamperija tal-Gvern fejn segwa d-diversi stadji li minnhom jgħaddi d-dokument tal-vot. Għall-ewwel darba r-ritratt fuq id-dokument tal-vot qed jiġi stampat bil-kulur.
Aqra aktar

FILMAT: Kif spiċċaw meqruda l-karozzi li ħadu n-nar kmieni dalgħodu

Dan huwa l-filmat tal-karozzi li ħadu n-nar dalgħodu għall-ħabta tal-5.20. In-nar jidher li beda mill-karozza tat-tip Peugout.

Dan ġara fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra f’Birkirkara. B’konsegwenza ta’ hekk sofrew ħsarat żewġ vetturi oħra tat-tip Ford u Nissan flimkien ma’ mutur.

Il-karozzi ħadu n-nar qrib garaxx li ftit tax-xhur ilu kien sar ‘raid’ għad-droga fih. ONE News hu nfurmat li s’issa mhux stabilit jekk il-każ tal-karozzi l-Ħamis filgħodu għandux konessjoni mal-attivita’ kriminali li kienet qed issir f’dan il-garaxx.

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-drogi, kienet għamlet tfittxijiet intensivi f’garaxx fl-istess triq nhar il-25 t’Ottubru li għadda.

Ara wkoll: http://www.one.com.mt/news/2019/04/11/ammont-ta-vetturi-jiehdu-n-nar-fbirkirkara/

 

Send this to a friend