Mario Azzopardi – One News

Mario Azzopardi

Mario Azzopardi għandu passjoni kbira għall-films. Ilu jipproduċi programmi għar-radju u t-televiżjoni dwar il-films mill-1981 u ilu jikteb fil-ġurnali tal-Union Press dwar il-films mill-1990. Ġie mistieden tliet darbiet għaċ-ċeremonja tal-Oscars minbarra stediniet oħra għall-European Film Awards u għall-festivals ewlenin ta’ Cannes, Berlin u Venezja. Kellu karriera twila ta’ għalliem. Kien Kap tal-Programmi Edukattivi fuq it-televiżjoni u r-radju nazzjonali. Aktar tard inħatar Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li matul dan il-perjodu kien responsabbli għad-dħul tal-ischolarships għall-Masters u d-dottorat u għall-firxa akbar tal-korsijiet għall-adulti. Illum Direttur għall-Kultura. Fl-2013 inħatar Chairman għall-Bord tal-Klassfikazzjoni tal-Films.

Notifiki

Jonqos l-Oscars

L-istaġun tal-unuri fil-films jilħaq il-quċċata nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar bil-91 ċeremonja tal-Oscars. Imma x’tip ta’ ċeremonja sejra tkun?

Aqra aktar

Il-Musicals għadhom popolari!

Fis-snin imgħoddija, il-musicals kienu popolari ħafna u Hollywood kien jagħmel minn kollox biex, fost l-oħrajn, jaqbad l-aqwa produzzjonijiet mużikali fuq Broadway biex jikkonvertihom għal fuq il-liżar ċinematografiku bl-akbar stravaganza possibbli.

Min jista’ jinsa’ musicals bħal “Singin’ In the Rain” (1952), “West Side Story” (1961), “The Wizard of Oz” (1939), “The Sound of Music” (1965), “Mary Poppins” (1964), “My Fair Lady” (1964), “The King and I” (1956) u tant oħrajn.

Imbagħad il-musicals qieshom sparixxew.  Imma meta joħroġ xi wieħed, dejjem jirnexxu, speċjalment magħna l-Maltin.  Min jista’ jinsa’ s-suċċess fenominali li kellu s-sena l-oħra “Beauty and the Beast”, tant li skont l-NSO marru jarawh mal-64,000 u spiċċa l-film tas-sena.

Din is-sena kellna xalata ta’ musicals li kollha marru tajjeb.  Bdejna s-sena b’“The Greatest Showman” li għamel ġimgħatejn l-aktar film popolari mal-Maltin.  Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju ħareġ “Mamma Mia! Here We Go Again” fejn reġgħet spikkat il-mużika tal-ABBA.  Minkejja n-nuqqas li nħass ta’ Meryl Streep, il-film għamel seba’ ġimgħat fil-quċċata tal-box office lokali.  Patta xi ftit bil-preżenza ta’ Cher li kantat (flimkien ma’ Andy Garcia), il-kanzunetta ‘Fernando’.  Cher kellha tidher ukoll fl-ewwel film li rajna għaxar snin ilu imma dak in-nhar kienet irrifjutat il-parti.

Issa f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna “Bohemian Rhapsody” li fakkarna fil-kobor ta’ Freddie Mercury u sħabu tal-grupp maġiku Queen.  Issa ilu erba’ ġimgħat fil-quċċata tal-popolarità magħna l-Maltin u probabbli jdum aktar fost il-films li jmorru jarawh l-aktar. Aqra aktar

15-il sena ta’ ħidma miċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta

F’dawn il-jiem, iċ-Ċentru Kulturali Ċiniż qed ifakkar il-15-il anniversarju minn meta nfetaħ dan iċ-ċentru f’pajjiżna.  Dan kien l-ewwel ċentru kulturali Ċiniż li nfetaħ fl-Ewropa.  Huwa parti minn ħolqa ta’ kollaborazzjoni riċeproka li dejjem kien hemm bejn dawn iż-żewġ pajjiżi li bdiet fl-1972 meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff kien żar dan il-pajjiż mbiegħed.Aqra aktar

Tislima lil Neil Simon

Il-Ħadd, 26 ta’ Awwissu, tħabbret il-mewt ta’ Neil Simon fil-għomor ta’ 91sena.  Fil-fehma tiegħi hu wieħed mill-aqwa playwrites tas-seklu 20.  Kellu 30 dramm li ttellgħu fuq Broadway, li ħafna minhom nħadmu bħala films, fosthom “The Odd Couple” (b’Jack Lemmon u Walter Matthau) u “Barefoot in the Park” (b’Robert Redfiord u Jane Fonda).  Meta tieħu flimkien kemm il-darba ġie innominat għal Academy Awards (4 darbiet), Golden Globe Awards (3 darbiet), Emmy Awards (4 darbiet), Writers Guild Awards (10 darbiet) u Tony Awards (13-il darba), ebda kittieb ieħor tas-seklu 20 ma rċieva daqshekk rikonoxximent.Aqra aktar

Jaqblilna narmu lil ‘Ralph Singh’?

Fil-11 ta’ Awwissu miet Sir VS Naipaul.  Kellu 85 sena. Forsi hawn min qed jistaqsini, min hu?  Darba ġie f’idejja l-ktieb “The Mimic Men”.  Interessani l-ktieb u interessani l-awtur.

Bla dubju, Sir Naipaul kellu pinna tal-għaġeb.  Għalkemm inwieled fil-Karibew f’Awwissu 1932, il-kelma Ingliża kien jaf jilgħab biha sew.  F’pajjiżu mar jistudja fi Queen’s Royal College. Imabgaħd kompla jistudja l-Università ta’ Oxford.

In-narattiva kien jaf jibniha sew fuq l-ironija, it-traġedji u s-sofferenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem.  Kien kittieb intelletwali.  Dwar dan hemm qbil tista’ tgħid minn kulħadd.  Mill-bqija, Sir Naipaul kien bniedem li biċċa kontrovesja kien jiekolha bħall-ħobż.  Dak li kien iħoss, kien jgħidlu.  Għalih, political correctness kien iqisha bħala djufija – mhux ħobż għal snienu.Aqra aktar

Boom Kulturali

Is-Sibt 21 ta’ Lulju naħseb li kien Sibt fenominali mill-perspettiva kulturali.

Eluf ħonqu l-fosos, fejn kellna l-kunċert ta’ Joseph Calleja, bis-sehem ta’ Eros Ramazzotti u ta’ Emma Muscat fost oħrajn.  L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kienet eċċezzjonali.  Kien hemm ukoll il-kor tat-tfal.  Sfortunatament ma tantx kellhom iċ-ċans li juru l-ħila tagħhom għax il-vuċi tal-kor intradmet.  Ħasra għax minn jaf kemm kienu ppreparati u eċitati.  Jekk mhux sejjer żball, is-sena l-oħra kellhom opportunità li jkunu huma l-attrazzjoni f’numru wieħed mużikali.  Billi l-kunċert tas-sena d-dieħla diġa hu reklamat u ser nerġgħu naraw lil Andrea Bocelli jakkumpanja lil Joseph Calleia, nissuġerixxi li l-kor ikollhom l-ħin tagħhom.  Meraviljuż u professjonali kien il-palk.

Imma il-kunċert ta’ Joseph Calleia ma kienx l-unika attrazzjoni.  Is-sajf joffrilna vetrina tal-aqwa ħiliet kulturali li għandna f’pajjiżna, flimkien ma’ esponenti minn pajjiżi oħra permezz tal-Festival Internazzjonali tal-Arti taħt it-tmexxija dinamika ta’ Festivals Malta.  Fi Pjazza Teatru Rjal, kellna wirja oħra mpekkabbli tal-musical oriġinali ‘Il-Ħanina Madalena’.  Kulħadd għadu jiftakar ‘Balzunetta Towers’ li rajna s-sena l-oħra.  Ma kienitx sorpriża li s-surmast Dominic Galea jerġa jagħtina musical ieħor ta’ kwalità għolja.  Taw sehemhom ukoll Simon Bartolo u Loranne Vella. Id-direzzjoni kienet ta’ Josette Ciappara.  Kif wieħed jistenna, Chiara, Amber, Dorothy Bezzina, Leontine u l-bqija tal-kast taw pjaċir lill-udjenza.

Għal min iħobb il-Jazz, is-Sibt 21 ta’ Lulju offra xi ħaġa oħra meraviljuża.  Fil-post tradizzjonali Ta’ Liesse, il-famuż Chick Corea Trio reġa paxxa in-nies bil-mużika jazz tiegħu.  Is-serata kienet tinkludi lill-Portugiż João Bosco.

In-nies ikkonkorrew bi ħġarhom, xhieda li llum saret tfittex avvenimenti kulturali.  U ngħiduha kif inhi, dawn ma’ kienux l-uniċi attivitajiet li kellna.  Kien hemm festival tal-inbid, festi f’diversi inħawi ta’ Malta u Għawdex u fis-swali taċ-ċinema, ma naqsux in-nies li marru jaraw ‘Mamma Mia! Here We Go Again’.

 

Lejn Politika Kulturali Nazzjonali

F’dawn l-aħħar ġimgħat, id-Direttorat tal-Kultura beda proċess interessanti li għandu jwassalna biex ikollna Politika Kulturali Nazzjonali għas-snin 2020–2025.  Mhux l-ewwel darba li pajjiżna ħass il-ħtieġa li jaddotta din it-tip ta’ politika, fl-2011 kellna l-ewwel waħda.  F’seba’ snin ix-xena kulturali f’Malta u Għawdex inbidlet għal kollox.

Fl-2011, il-Gvern kien jinvesti mas-€26 miljun fis-sena f’dan is-settur.  Din is-sena, il-Gvern qed jinvesti €70 miljun. Il-programm elettotrali tal-Gvern jimpenjah li jinvesti aktar.

Qegħdin fis-sena li niċċelebraw il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.  Rajna diversi attivitajiet kulturali kbar u għad baqa’ iktar x’naraw. Għandna Kunsill Malti għall-Arti dinamiku, li  jiftaħ opportunitajiet kbar għall-artisti Maltin.  Twaqqfet Festivals Malta li kompliet tgħolli l-livell tal-festivals.  Għandna Pjazza Teatru Rjal li ta l-ħajja lit-teatru miftuħ.  L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta laħqet livelli bla preċedent, u saret tpaxxi lin-nies fl-aqwa swali Ewropej.  Ingħata bidu għal Żfin Malta u Teatru Malta.  Il-kullana ta’ suċċessi ma tispiċċa qatt.  Mhux qed ngħodd il-biżibilju ta’ attivitajiet kulturali li organizzati fil-komnunitajiet, ħafna drabi anke bis-sehem tal-Kunsilli Lokali.

Meta wieħed jara dan kollu, bilfors irridu nħarsu lejn politika kulturali ġdida.  Mhux aħna biss qed naraw dan ir-rinaxximent ġdid.  L-Ewropa kollha trid tpoġġi l-kultura fuq nett tal-aġenda politika.  Wara kollox, l-2018 hi s-sena tal-Wirt Kulturali Ewropew.  Sebgħa minn kull għaxar ċittadini Ewropej iħossuhom kburin bil-wirt kulturali.  L-Ewropa għandha ‘trade surplus’ ta’ €8.7 biljun f’prodotti kulturali. Fl-Unjoni Ewropea għandha 8.7 miljun persuna li jaħdmu fil-qasam kreattiv.

Kollox ward u zahar?  L-għaxar diskussjonijiet pubbliċi li kellna f’Mejju u Ġunju messu ħafna temi li jistgħu joffrulna sfidi nteressanti u opportunitajiet ġodda.

Ittrattajna diversi temi, fosthom il-wirt kulturali, l-innovazzjoni kulturali li tressaqna lejn ekonomija kreattiva, l-effett tal-globlizzazzjoni, id-diversità kulturali, l-istat professjonali tal-ħaddiema f’dan is-settur, il-kapital kulturali u l-edukazzjoni, kif ukoll il-prattika artistika miż-żgħażagħ li twassal għall-ċittadinanza attiva, ħsieb kritiku u empowerment.

Affaxxinajt ruħi bis-sehem attiv tal-attendenzi numerużi.  Ftit ferm kienu d-diżappunti li ħassejt minn dawn il-laqgħat.

 

Xtaqt nara aktar parteċipazzjoni mill-industrija privata, li naraha għadha mhux parteċipi biżżejjed, ħlief il-kumpaniji kbar li jħossu din ir-responsabilità soċjali.  Ikkonfermajt kemm minn xi daqqiet għandna frammentazzjoni fost l-għaqdiet volontarji.

 

Ftit ferm kienu l-affarijiet li dejquni ħdejn il-posittività enormi li kienu karatteriżżata il-laqgħat kollha.

 

Send this to a friend