Leanne Abela Grech – Page 14 – One News

Leanne Abela Grech

Notifiki

Konferenza li tittratta l-konsum tax-xorb u d-droga waqt is-sewqan

Dalgħodu f’konferenza mtella’ mill-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni f’Malta, bil parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni ġiet diskussa l-importanza tas-sigurtà fit-toroq kif ukoll il-miżuri li qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-inċidenti fit-toroq.

L-assoċjazzjoni ilha għal dawn l-aħħar snin f’kooperazzjoni mal-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati biex titfassal politika li żżid is-sigurtà fit-toroq anke permezz ta’ iżjed għarfien dwar il-konsum tal-alkoħol u s-sewqan, mhux biss matul iż-żminijiet ta’ festi, imma matul is-sena kollha.

Fl-indirizz li għamlet l-Imħallef Consuela Scerri Herrera semmiet kif l-att numru sitta dwar il-breathalyser li daħħal fl-1998, għandu żewġ għanijiet, dak li jipprevjeni milli wieħed isuq taħt l-effett tal-alkoħol u li jaqra l-ammont ta’ alkoħol li wieħed ikun ikonsma. Tat ukoll rendikont tal-użu tal-breathalyser matul dawn l-aħħar erba’ snin. Fejn fl-2015 ittieħdu 146 test li minnhom irriżultaw 106 persuna pożittiva, fl-2016 sar 241 test li minnhom irriżulta 188 persuna pozittiva, fl-2017 sar 155 test li minnhom irriżulta 109 persuna pożittiva u fl-2018 sar 165 test li minnhom kien hemm 108 persuna pożittiva.

Adrian Galea, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni qal li huwa kunfidenti bil-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, u anke dwar it-tħaddim tal-politika f’dan il-qasam.

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg qal li l-politiku jrid jieħu deċiżjonijiet anke jekk mhux daqstant popolari, bħall l-introduzzjoni tas-sistema tal-punti. Filwaqt li semma l-mod li bih qed jiġu ddisinjati t-toroq, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku. Minkejja dan xorta waħda huwa sta għas-sewwieq li jkun responsabbli waqt is-sewqan.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li l-Gvern huwa kommess li jkompli jassigura saħħet dawk li jużaw it-toroq, semma b’mod partikulari t-tnaqqis tal-livell tal-alkoħol li wieħed jista’ jikkonsma meta se jkun se jsuq. Semma wkoll it-tolleranza zero ghall-sewwieqa li jsuqu vetturi għat-trasport pubbliku fosthom sewwieqa tal-vannijiet, taxis u xarabanks.

BIL-FILMAT: Restawr u rinovar fuq fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Belt Valletta b’investiment ta’ €200,000

Ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr jinsabu għaddejjin b’xogħlijiet estensivi biex fost oħrajn tinfetaħ berġa għall-komunità Beltija fil-qalba tal-Belt fil-binja tal-Kunsill Lokali.

Ix-xogħol b’investiment ta’ mitejn elf ewro se jwassal għal ftuħ ta’ librerija lokali u biex jiġi installat lift biex jitjieb l-aċċess għal-Librerija Nazzjonali.

Aqra aktar

Kemm inħossuna b’saħħitna? Malta fost l-aqwa

Malta tinsab fis-sitt post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jikklassifikaw saħħithom fi stat tajjeb ħafna jew tajjeb.

Dan irriżulta minn statistika tal-Eurostat hekk kif kienu total ta’ ħamsa u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni li kklassifikaw saħħithom tajba jew tajba ħafna.

Fl-ewwel post ġiet ikklassifikata l-Irlanda bi tlieta u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni jirrispondu li saħħithom hija tajba jew tajba ħafna. Isegwuha hemm Ċipru u l-Italja li fihom kienu tmienja u sebgħin fil-mija u seba’ u sebgħin fil-mija, rispettivament li qalu li għandhom stat ta’ saħħa tajjeb.

Fil-qiegħ tal-klassifika, insibu lill-Portugal, il-Latvia u l-Litwanja, b’erbgħa u erbgħin fil-mija biss tal-popolazzjoni jirreġistraw saħħa tajba jew tajba ħafna.

L-istatistika wriet li fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, sebgħa minn kull għaxar persuni li għandhom l-età ta’ sittax-il sena jew aktar jikklassifikaw saħħithom tajba jew tajba ħafna. Dan filwaqt li kienu inqas minn wieħed minn kull għaxra li wieġbu li saħħithom hija ħażina jew ħażin ħafna.

Intant, interessanti kif l-istatistika uriet ukoll li kienu aktar l-irġiel milli nisa li kkunsidrawhom f’saħħa tajba.

Filfatt kienu tnejn u sebgħin fil-mija tal-irġiel li kkunsidraw saħħa tajba jew tajba ħafna, ħamsa fil-mija aktar min-nisa.

L-akbar differenza bejn is-sessi ġiet irreġistrata minn persuni li għandhom ħamsa u sittin jew aktar, b’differenza ta’ sitta fil-mija.

L-isport huwa parti mit-terapija għall-awtiżmu

Ix-xahar ta’ April huwa sinonimu mal-għarfien dwar l-awtiżmu u ONE news iltaqa’ ma’ Carmen Abela, omm Laura li ta’ sena u tliet xhur saritilha dijanossi tal-awtiżmu.

Carmen qaltilna li kienet problema f’saqajn iċ-ċkejkna Laura li waslet biex ġew determinati problemi oħra fosthom problema fil-komunikazzjoni mit-tifla. Dan kien l-ewwel sinjal tal-awtiżmu.

“It-tifla wara li ġiet diagonsed bl-awtiżmu ovvjament l-ewwel ma kienet l-importanti hija t-terapija biex hi timpruvja, minn hemm sibtilha l-isports adattat għaliha u daħħaltha mal-ispecial olympics, u hija atleta tal-ispecial olympics, tiġri, ġifieri agħmel l-atlethics”

Minkejja l-kundizzjoni tal-awtiżmu, Laura li llum għandha disa’ snin, tkompli bl-attivitajiet soċjali tagħha, tant li tmur t għall-sessjonijiet tad-drama kif ukoll tipprattika passatemp ieħor favurit tagħha, l-imudellar.

L-isport kien ukoll strumentali fit-terapija għal Laura li llum hija atleta tal-ispecial olympics. Carmen qaltilna li ta’ sitt snin, Laura ħadet sehem għall-ewwel darba fl-atletika, u li kisbet żewġ midalji; waħda tal-bronż f’tellieqa tal-ħamsin metru u oħra tal-fidda fil-ħamsa u għoxrin metru.

Carmen, li tagħmel parti mill-Autism Parents Assosciation u li tilqa’ fi ħdana sitt mitt membru, taħdem viċin il-fondazzjoni Marigold biex ikompli jiżdied l-għarfien dwar il-kundizzjoni.

“Bħalissa huwa x-xahar tal-awtiżmu, allura qed inqajmu ħafna awareness. Infatti kellna l-light it up blue wkoll. Nagħmlu ħafna awareness, mhux April biss, imma s-sena kollha biex inqajmu l-awareness fuq l-awtiżmu”

Hija sostniet l-importanza ta’ aktar għarfien dwar l-awtiżmu, kif ukoll qasmet magħna episodju li kellha meta Laura tatha tantrum.

“Jien inkun naf għalfejn qed tagħmel hekk imma sfortunatament in-nies  jibdew jaħsbu li mhux qed nagħtu kashom, inkomplu nparlaw u li nħalluhom jagħmlu li jridu u ġieli kelli episodji li jew żammewha minn idha biex iqajmuha mill-art jew isiktu lili biex neduka lit-tifla. In-nies ma jkunux jafu għalxiex”

Carmen temmet b’appell biex ma niġġudikawx lill-ġenituri, għaliex huma jkunu jafu kif għandhom jaġixxu kif ukoll jedukaw lill-uliedhom li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinawgura disa’ rotot ġodda

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ikompli b’rabtiet sodi ma’ pajjiżi Ewropej u anke lil hinn biex b’hekk isaħħaħ is-settur tal-avjazzjoni f’Pajjiżna. F’din l-ewwel ġimgħa ta’ April biss, l-ajruport, laqa’ l-ewwel titjiriet ta’ Ryanair minn disa’ destinazzjonijiet ġodda, b’erbgħa minn dawn id-destinazzjonijiet imorru fl-erbgħa ajruporti f’żewġ pajjiżi l-aktar popolari fost il-Maltin. Intant, Ryanair se jkun qed jintroduċi ukoll rotta diretta għall-Maastricht fl-Olanda.

Il-Maltin se jkollhom opportunitajiet b’titjiriet diretti lejn destinazzjonijiet popolari b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf. Din tinkludi Thessaloniki fil-Greċja u Cork fl-Irlanda. Għal dawk li jfittxu destinazzjonijiet li joffru avventura, se jkunu jistgħu jivjaġġaw ukoll minn Malta għal Oslo, in-Norveġja kif ukoll il-Jordan.

Dawn id-disa’ rotot se jibdew joperaw bejn April u Ottubru darbtejn fil-ġimgħa, filwaqt li titjijra lejn in-Norveġja se tibda tkun kull nhar ta’ Erbgħa waqt il-perjodu tas-sajf.

Il-linja tal-ajru Ryanair mhix l-unika linja li se tespandi l-operat tagħha f’Malta. Nhar il-Ħadd li għadda l-linja tal-ajru WizzAir, varat ir-rotta lejn l-Ungerija, filwaqt li tliet rotot addizzjonali mill-kumpaniji Volotea u Qatar Airways huma skedati li jiġu varati fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju.

L-iskeda tat-titjiriet robusti li qed joffri l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija mistennija li tkun strumentali, biex għal din is-sena, l-ajruport Malti jikseb l-għanijiet tiegħu dwar l-ammont ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport.

Jiġi ffirmat ftehim kollettiv bejn l-AWAS u l-GWU

Dalgħodu ġie ffirmat it-tieni ftehim kollettiv bejn l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li qed ifittxu Ażil (AWAS) u l-General Workers Union. Dan il-ftehim kollettiv mhux biss se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-pagi u l-mod li bihom il-ħaddiema javvanzaw fl-iskali, imma jinkludi fih miżuri li jattira wkoll impjegati ġodda f’dan is-settur.

Aqra aktar

Send this to a friend