Kelly Peplow – Page 29 – One News

Kelly Peplow

Notifiki

Xejn ma seta’ jwaqqaf l-ajruplan tal-linja tal-ajru Etjopjana milli jiġġarraf

Jidher li ma kien hemm ebda tama li l-ajruplan tal-linja tal-ajru Etjopjana li ġġarraf xahar ilu, isalva, anke sa mill-ewwel rapporti ta’ ħsarat waqt it-titjira. Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li l-bdoti tal-ajruplan segwew proċedura stabbilita mill-kumpanija Boeing qabel ma ġġarraf l-ajruplan, iżda ma rnexxielhomx jikkontrollaw l-ajruplan.

L-ajruplan iġġarraf ftit tal-ħin wara t-tluq minn Addis Ababa, u ħasad il-ħajja ta’ xejn anqas minn mija, sebgħa u ħamsin persuna. Din kienet it-tieni traġedja li nvolviet ajruplan tal-għamla Boeing fi żmien ħames xhur, wara li titjira ta’ Lion Air ġġarrfet barra mill-kosta tal-Indoneżja f’Ottubru li għadda, li kkawżat il-mewt ta’ mija, disgħa u tmenin persuna.

Bħala prekawzjoni, madwar tliet mitt ajruplan tal-għamla Boeing ma tħallewx itiru minn diversi ajruporti, fosthom anke mill-Ewropa.

Moviment li jaħseb b’mod nazzjonali u li ma jibnix ħitan

Is-suċċess ta’ pajjiżna hu riżultat ta’ moviment li jaħdem b’mod nazzjonali u li ma jibnix ħitan.

Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’Jum il-Ħelsien. Fl-Imtarfa sostna li l-31 ta’ Marzu huwa jum li verament jibni u jagħmilna l-poplu li aħna. Jum li għandna nħarsu lejh mhux bies inġellduh ma’ jiem oħra, b’mod partikolari kisbiet bħall-Indipendenza u r-Repubblika imma biex niċċelebraw tranżizzjoni sħiħa li għamel pajjiżna fl-aħħar snin.Aqra aktar

Tentattiv ieħor biex l-abbozz Brexit jgħaddi minn Westminster

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May qed tfittex l-aħjar pass ‘il quddiem biex tmexxi l-proċess Brexit. Dan wara li għat-tielet darba, il-Parlament Ingliż ivvota kontra l-abbozz li fasslet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Kelliema għall-Gvern Ingliż żvelaw lill-midja Ingliża li Theresa May xorta bi ħsiebha tipprova tgħaddi l-abbozz minn Westminster. Il-Membri Parlamentari Ingliżi mistennija jivvutaw nhar it-Tnejn li ġej, fosthom biex titwaqqaf unjin tad-dwana. Minkejja dan, persuni li jappoġġjaw Brexit qed iħeġġu lill-Prim Ministru Ingliż biex ma tagħmilx dan.

May għandha sat-12 ta’ April li ġej biex tikseb estensjoni għall-perjodu tal-ħruġ biex ikun evitat Brexit mingħajr ftehim.

“Għall-Partit Nazzjonalista l-Ħelsien ifisser iżolament”- il-PL

Għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Malta ħielsa tfisser Malta iżolata. Dan qalu l-Partit Laburista, li fi stqarrija qal li skont Adrian Delia, għandna niżolaw ruħna u nreġġgħu l-pajjiż lura .

Ikun tajjeb li l-PN jinħeles minn argumenti negattivi li ntużaw mill-Kap ta’ qabel, mingħajr  suċċess, fakkar il-Partit Laburista.

Bil-ġudizzji tiegħu il-Parlament Ewropew jikkundanna lil Malta talli ma daħħlitx l-abort

Dawk li jogħxew meta jisimgħu MEPs Maltin u Ewropej jikkritikaw u jikkundannaw lill-Gvern Malti dwar is-Saltna tad-Dritt jagħlqu ħalqhom dwar il-kundanna tal-Parlament Ewropew għall-fatt li Malta ma daħħlitx l-abort. Dawn ma jikkummentawx meta jirrealizzaw li bil-ġudizzji tiegħu, il-Parlament Ewropew jikkundanna wkoll lil Malta għax ma daħħlitx l-abort. Dan qalu Alfred Sant meta fil-Parlament Ewropew meta stqarr li l-abort bl-ebda mod ma jinsab fil-programm tat-tmexxija tal-Gvern Laburista.

“Dawk il-Maltin li jxewxu lill-Parlamentari Ewropej dwar is-saltna tad-dritt f’Malta qed iwittu t-triq biex il-biċċa tal-abort tinfetaħ fostna mill-Ewropej. Dawk il-barranin li qed jagħtuhom palata biex il-kwistjoni tas-Saltna tad-Dritt tibqa’ titqanqal, malajr jistgħu jduru fuqhom u jgħidulhom: Isimgħu, dan kif dwar is-Saltna tad-Dritt fil-każ tat-tmexxija tal-gvern il-ħin kollu timbuttaw, imma dwar l-abort ma ssemmu xejn?” qal Alfred Sant. Aqra aktar

Il-Grigalata għamlet bi €8.6 miljun fi ħsara

Il-Grigalata qawwija li ħakmet lil pajjiżna fl-aħħar ta’ Frar li għadda wasslet biex saru l-akbar għadd ta’ talbiet ta’ assigurazzjoni għal ħsarat li ġarrbu sidien ta’ djar jew vettura tagħhom.

Skont stħarriġ tal-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Assigurazzjoni, il-valur tat-talbiet kollha li daħlu tul dan ix-xahar jaqbeż it-tmien miljun u sitt mitt elf ewro, u jkopri ħsarat li saru fuq propjetajiet privati, kummerċjali, opri tal-baħar, u vetturi.

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċċjazzjoni, Adrian Galea, spjega li b’kollox, persuni assigurati għamlu ftit anqas minn elfejn talba għall-għajnuna minħabba danni li sofrew kawża tal-maltemp..

“Kien hemm ftit anqas minn elfejn talba, li l-ammont jilħaq tmienja punt sitta miljun ewro. Meta nħarsu lejn kif inhuma maqsuma, għandek parti kbira minnhom ġejjin minn ħsara li saret fuq propjetà.”

Madwar tmienja fil-mija ta’ dawn it-talbiet intlaqgħu diġà, u s-Sur Galea spjega li huwa mistenni li kull talba tintlaqa’ fiż-żmien li ġej.

L-Assoċċjazzjoni stmat li tliet miljun u tliet mitt elf ewro se jkopru ħsarat fuq propjetajiet kummerċjali, disa’ mitt elf ewro se jkopri ħsarat li ġarrbu opri tal-baħar, u sitt mitt elf ewro ntalbu minn persuni li ġarrbu ħsarat estensivi fuq il-vetturi tagħhom.

Is-Sur Galea stqarr ma’ ONE News li l-akbar nefqa mistennija tkun fuq propjetajiet privati, li n-nefqa għalihom qabżet it-tliet miljun u seba’ mitt elf ewro.

“Kien hemm talbiet għax panelli solari taru jew spiċċaw fuq dar oħra jew fit-triq. Kien hemm talbiet fuq ħsara fuq propjetà minħabba ilma li ppenetra l-ġebla jew id-dar. Anke minħabba riħ qawwi li kkawża ħsara fuq bibien jew aperturi jew twieqi.”

Is-Sur Galea qal li dan l-ammont ma jkoprix il-ħsarat kollha u jistma’ li jammontaw ħafna aktar miċ-ċifra stabbilita. Dan għax ħafna persuni jagħżlu li ma jassigurawx ħwejjiġhom.

Minkejja li fuq il-midja soċjali rajna nħawi bħax-Xemxija, Buġibba, u Spinola kompletament mgħarrqa, l-aktar żoni minn fejn saru talbiet għall-għajnuna, kienu Tas-Sliema u l-Port il-Kbir.

“Il-parti kollha tan-Naħa ta’ Fuq ta’ Malta li tmiss mal-Grigal, bħal Tas-Sliema u l-Belt, u allura dawn laqgħu il-Grigalata kienu l-aktar milquta. Għawdex ukoll sofra d-danni tiegħu.”

Is-Sur Galea żied jispjega li għalkemm l-Assoċċjazzjoni mhux qed tantiċipa tibdil notevoli f’dawn iċ-ċifri, se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni mill-qrib.

 

 

Il-Gvern se jibni liftijiet ġodda f’110 Housing Estate madwar Malta

Mija u għaxar qasam tad-djar mferrxin fl-ibliet u l-irħula f’Malta se jkollhom lift installat bħala parti minn proġett ambizzjuż għar-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binjiet. Dan tħabbar mis-Segretarji Roderick Galdes u Aaron Farrugia, waqt li kienu qed jinawguraw l-ewwel lift li ġie installat f’binja tal-Gvern f’Ħal Qormi.

Aktar minn disa’ mitt familja se jibbenefikaw minn dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ għaxar miljun ewro u huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, b’ħafna minnhom ikunu anzjani, residenti b’diffikultà ta’ mobbiltà, u persuni b’diżabbiltà fost oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li l-proċess mistenni jieħu ż-żmien, għax ħafna minn dawn il-binjiet li nbnew sa ħamsin sena ilu ma kinux maħsuba li jkollhom lift jopera fil-komun. Għalhekk il-proċess inkluda tibdil strutturali sostanzjali, ftuħ ta’ bibien ġodda, u xogħlijiet oħra qabel l-installazzjoni tal-lift.

Fl-istess ħin, il-proġett se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet, u b’hekk il-Gvern jilħaq il-miri tiegħu tal-effiċjenza tal-enerġija billi jirriġenera dawn iż-żoni u ftit ‘il barra minnhom biex jiżdied il-livell ta’ għajxien f’komunità aktar inklussiva. Il-proġett se jara wkoll li ż-żoni ta’ madwar dawn il-binjiet jisbieħu bi tħawwil ta’ siġar ġodda, bl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl, kif ukoll sistema ta’ ħażna tal-ilma.

“Il-ħsieb tagħna hu li tul din il-leġislatura wkoll, inkunu wettaqna l-akbar ammont ta’ lifts li qatt saru f’housing estates minn Gvernijiet. Mhux biss dawn il-mitt blokka, imma għandna aktar proġetti f’binjiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’aċċessibbiltà. Apparti hekk se nagħmlu wkoll xogħol ta’ rinovar fil-binja nnifisha” qal Galdes

Ix-xogħlijiet fiż-żoni komuni jinkludu ukoll l-installazzojini ta’ dwal effiċjenti fl-enerġija, faċilitajiet tal-intercom, kif ukoll aperturi effiċjenti fl-enerġija

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw tajjeb u fejn hemm l-iktar bżonn li dawn jiġu investiti. Huwa għalhekk li dan il-Gvern ried jindirizza l-isfida tan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà lil anzjani u persuni b’diżabbiltà.

B’hekk Farrugia temm jgħid li l-użu tal-fondi Ewroej qed jirrifletti l-għajta ta’ Gvern Laburista ta’ prosperitá f’soċjetá ġusta.

“Bil-fondi Ewropej qed noħolqu l-ġid u nagħtu ħiliet ġodda u noħolqu l-ġid. Bi proġetti hekk qed inqassmu dak il-ġid fis-soċjetà.”

Il-proġett se jitmexxa mill-Awtorità tad-Djar, bil-mija u għaxar liftijiet ġodda mistennija jitlestew sa tliet snin oħra.

 

Se jibda l-proċess biex ikollna qaddis ieħor Malti

Fil-jum tal-Ħadd beda l-proċess biex Malta jkollha qaddis ieħor. Waqt ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna introduċa l-Kawża għall-Beatifikazzjoni ta’ Brother Louis Camilleri, u b’Digriet jiddikjarah ‘Serv ta’ Alla’.

Br.Louis huwa magħruf minn ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ għalliema, ġenituri u studenti Lasalljani, hekk kif huwa kien il-bniedem li waqqaf il-fraternità Signum Fidei f’Malta fit-tmeninijiet.Aqra aktar

Il-Gvern se jibni liftijiet ġodda f’110 Housing Estate madwar Malta

110 Housing Estates mferxin ma’ Malta kollha se jkollhom lift installat bħala parti minn proġett ambizzjuż għar-riġenerazzjoni ta’ dawn il-binjiet. Dan tħabbar mis-Segretarji Roderick Galdes u Aaron Farrugia, waqt li kienu qed jinawguraw l-ewwel lift li ġie installat f’Ħal Qormi.

Madwar 900 familja se jibbenefikaw minn dan il-proġett, b’ħafna minnhom ikunu anzjani, residenti b’diffikultà ta’ mobbiltà’, u persuni b’diżabbiltà fost oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li l-proċess misteni jieħu ż-żmien, għaliex dawn il-binjiet li nbnew 30, 40 u anke 50 sena ilu ma kienux maħsuba li jkollhom lift jopera fil-komun. Għalhekk il-proċess inkluda tibdil strutturali sostanzjali, ftuħ ta’ bibien ġodda, u xogħlijiet oħra qabel l-installazzjoni tal-lift.
Fl-istess ħin, il-proġett se jkun qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emmissjonijiet, u b’hekk il-Gvern jilħaq l-miri tiegħu tal-effiċjenza tal-enerġija billi jirriġenera dawn iż-żoni u ftit ‘il barra minnhom biex jiżdied il-livell ta’ għajxien f’komunità aktar inklussiva. Il-proġett se jara wkoll li ż-żoni ta’ madwar dawn il-binjiet se jkunu mtejba bi tħawwil ta’ siġar ġodda, bl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl, kif ukoll sistema ta’ ħażna tal-ilma.

Ix-xogħlijiet fiż-żoni komuni jinkludu ukoll l-installazzojini ta’ dwal effiċjenti fl-enerġija, faċilitajiet tal-intercom, kif ukoll aperturi effiċjenti fl-enerġija

Il-proġett ta’ housing aktar aċċessibbli se jsir b’investiment ta’ għaxar miljun ewro, ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jintużaw tajjeb u fejn hemm l-iktar bżonn li dawn jiġu nvestiti. Huwa għalhekk li dan il-Gvern ried jindirizza l-isfida tan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà lil anzjani u persuni b’diżabbiltà.

Send this to a friend