Kelly Peplow – Page 23 – One News

Kelly Peplow

Notifiki

Jinżamm arrestat wara li nqabad f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt is-16-il sena

Ingliż ta’ 18-il sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t’Għawdex akkużat li ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ minuri jiem ilu. Quddiem il-Maġistrat Brigitte Spiteri, intqal kif nhar il-25 ta’ Mejju li għadda l-akkużat kellu relazzjoni sesswali ma’ persuna li għandha anqas minn 16-il sena fl-inħawi tar-Rabat Għawdex.Aqra aktar

Ara x’kienu l-kisbiet tal-Partit Laburista fl-ewwel għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza f’sittax minn 23 belt u raħal li fihom sar l-ewwel għadd minn tlieta tal-voti mixħuta fl-elezzjonijiet lokali tas-Sibt li għadda. Il-Partit Laburista mhux biss żamm il-maġġoranza fil-kunsilli kollha li kellu t-tmexxija tagħhom fl-aħħar snin, iżda għamel l-istorja wara li kiseb il-maġġoranza għall-ewwel darba fil-kunsill lokali tal-Belt Kapitali, Valletta, li se jkun taħt it-tmexxija ta’ Alfred Zammit.  Il-Partit Laburista għamel kisba kbira oħra fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta wara li rnexxielu jirbaħ lura l-kunsilli lokali ta’ San Pawl il-Baħar u għat-tieni darba fl-istorja se jmexxi l-kunsill taħt it-tmexxija Alfred Grima.  Aqra aktar

L-Armata ssalva 75 immigrant

Grupp ta’ 75 immigrant ġew slavati mill-Forzi Armati ta’ Malta u l-Gwardja tal-Kosta Taljana wara sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ biex jgħinu lill-Gwardja tal-Kosta Libjana.

Il-75 immigrant issalvaw permezz tal-P22, u ddaħlu Malta aktar kmieni dalgħodu. F’sensiela oħra ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ, il-Gwardja tal-Kosta Taljana wasslet numru ta’ immigranti Lampenduża.

“Ixxurtjati li għadna mingħajr rapporti ta’ mwiet”

L-Istat Amerikan ta’ Ohio jinsab f’battalja kontra urugan wara l-ieħor li qed jgħaddu mill-inħawi. Rapporti fil-midja Amerikana spjegaw kif mal-ħames miljun persuna spiċċaw mingħajr sors ta’ enerġija f’darhom minħabba l-maltemp kiefer li ħakem l-Istat fl-aħħar jiem, iżda Uffiċċjali tas-Sigurtà Amerikani qalu li huma xxurtjati li s’issa mhemmx rapporti ta’ mwiet.

Madanakollu, mijiet ta’ persuni qed jingħataw il-kura għal ġrieħi li ġarrbu kawża tal-maltemp qawwi.

Ħaddiema tas-salvataġġ qed jagħtu l-għajnuna fuq il-post hekk kif għad m’hemmx stima korretta tal-ħsara li saret. Is-Servizz Nazzjonali tat-Temp tal-Istati Uniti qal li se jkun qed jistudja l-ħsara li saret fl-operat tal-enerġija u fl-infrastruttura fl-istat ta’ Ohio fil-jiem li ġejjin.

Tifla ta’ 11-il sena tinqatel b’daqqiet ta’ sikkina fil-Ġappun

Tifla ta’ 11-il sena u raġel ta’ 39 sena nqatlu f’attakk bis-skieken fil-belt Ġappuniża ta’ Kawasaki t-Tlieta filgħodu. Jidher li r-raġel, li għandu ‘l fuq minn 50 sena, attakka grupp ta’ tfal tal-iskola li dak il-ħin kienu qed jistennew il-karozza tal-linja f’żona residenzjali.

Il-Pulizija Ġappuniża qalet ukoll li r-raġel daħħal sikkina f’għonqu wara li attakka lit-tfal, u eventwalment ċeda għall-ġrieħi serji li ġarrab. Xhieda fuq il-post qalu li raw lir-raġel jiġri għal fuq it-tfal b’żewġt iskieken kbar f’idejh it-tnejn, qabel mat-tifla u r-raġel l-ieħor, li huwa uffiċjal fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ġappuniż u ġenitur ta’ tifel li kien fost il-folla, spiċċaw minxura mal-art bla ħajja.

Il-Pulizija għadha ma identifikatx lill-aggressur, u għadha ma stabbilietx il-mottiv wara dan l-attakk.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe kkundanna dan l-attakk u esprima rabja kbira lejh.

Ritratt: BBC

Tifla tal-iskola tinqatel wara li raġel attakka grupp ta’ bniet b’sikkina fit-triq fil-Ġappun

Tifla tal-iskola u raġel ta’ 39 sena nqatlu filwaqt li 18-il persuna sfaw feruti serjament, wara li raġel attakka grupp ta’ bniet b’sikkina fil-Ġappun.

Rapporti fil-midja internazzjonali qed jgħidu li l-attakk seħħ f’żona residenzjali fil-belt ta’ Kawasaki, meta raġel li għandu aktar minn 50 sena attakka grupp ta’ bniet li dak il-ħin kienu qed jistennew ix-xarabank tal-iskola.

Ir-raġel mbagħad daħħal is-sikkina f’għonqu, u ċeda għall-ġrieħi serji li ġarrab sigħat wara fi sptar. S’issa l-Pulizija Ġappuniża għadha ma nnutat ebda mottiv wara dan l-attakk.

Ritratt: BBC

Il-Prim Ministru jikkonferma r-raba’ siġġu fi Brussell għall-Partit Laburista

F’ċeleberazzjoni tar-reħba quddiem iċ-ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat ħabbar li l-Partit Laburista kiseb maġġoranza storika ta’ aktar minn 51,600 vot fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dr Muscat qal li b’dan ir-riżultat, il-Partit Laburista kiseb erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

“Grazzi talli erġajtu kontu miegħi”, qal il-Prim Ministru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħadd, filwaqt li żied jisħaq li dan il-poplu kiteb l-istorja ta’ Malta, għax l-ebda partit jew moviment ma’ kiseb dak li kiseb il-Partit Laburista s-Sibt. B’hekk, qal il-Prim Ministru, Malta u Għawdex urew li dak li jgħaqqadhom huwa ferm akbar minn dak li jifridhom, u li bħala pajjiż, ma rridux firda, iżda għaqda.Aqra aktar

Ħidma għal aktar ilma ta’ kwalità fid-djar Maltin

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għalqet is-sena 2017 b’surplus ta’ sitt miljun ewro. Fondi li marru għal proġetti ġodda u tal-ogħla livell biex dejjem tkompli titjieb il-kwalità tal-ilma li jasal fid-djarna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni, Richard Bilocca, spjega li t-tnaqqis fin-nefqa tal-Korporazzjoni fil-proċess kien grazzi għal tibdil fil-mod kif il-korporazzjoni tipproċessa l-ilma qabel ma dan jasal fil-vitin tad-djar tagħna.

“Għaxra, anke għoxrin sena ilu, biex nipproduċu elf litru konna nużaw 10KW/H. Illum għall-istess ammont nużaw 2.8KW/H. Qed inkomplu nsaħħu l-capacity tagħna u ntejbu s-servizz tagħna.”

Is-Sur Bilocca spjega li b’din is-sistema, l-ammont ta’ ilma li qabel kien jinħela fil-proċess biex jitwassal fid-djar, naqas drastikament.

“Rajna fejn kien jintilef l-ilma u fejn naħlu l-enerġija. Għaliex inti jekk jista’ jkollok sistema li taħli anqas dawl, kważi kważi tkun qed taħli jekk ma tmurx għaliha, allura aħna qed ninvestu biex intejbu s-servizz u l-kwalità u l-effiċjenza tagħna.”

U allura, dawn is-sitt miljuni, fejn qed imorru?

“Qed imorru dirett għand in-nies f’investiment. Aħna l-ħin kollu nirriġeneraw l-infrastruttura mhux biss biex nilqgħu l-isfidi imma biex intejbu l-prodott. Jekk aħna jirnexxielna nwasslu ilma aħjar għand in-nies se titjieb il-kwalità tal-ħajja.”

Fuq kollox il-fondi li ġemmgħet il-korporazzjoni qed imorru f’proġetti ewlenin madwar il-pajjiż, bħal dak tal-mina li se tgħaqqad lil Pembroke ma’ Ta’ Qali biex twassal l-ilma f’kull lokalità tal-pajjiż.

Proġett ta’ tlieta u tletin miljun ewro, li t-tlestija tiegħu se tkun tfisser li kull dar f’Malta u Għawdex jaslilha ilma b’togħma tajba għax-xorb.

Is-Sur Bilocca spjega li l-ilma li jasal fid-djar bħalissa diġà huwa sigur għax-xorb, iżda ħafna jilmentaw mit-togħma.

“Se tintuża sistema ta’ pajipijiet ġodda biex l-ilma pur jibqa’ pur sal-ġibjun u l-ġebla jeħodha mill-ilma tal-pjan. Fattur ieħor li jaffettwa t-togħma hija l-imluħa fl-ilma tal-pjan. Dan se jitħallat ma’ ħafna ilma tar-Reverse Osmosis u l-imluħa se tonqos bin-nofs. Din se tagħmel bidla drastika fit-togħma li se tasal għand in-nies.”

 

 

Send this to a friend