Jessica Sultana | One News - Part 2

Jessica Sultana

Notifiki

It-Torok jivvutaw f’elezzjonijiet presidenzjali

Miljuni ta’ persuni fit-Turkija bdew jivvuttaw fl-elezzjonijiet li qed ikunu meqjusa bħala referendum fuq il-president Tork, Recep Tayyip Erdogan. Dan qed isir fost tnaqqis ekonomiku, li mistenni jaffettwa l-għażla tal-partitarji konservattivi tiegħu.

Il-partit fil-gvern qed jibża’ li jitlef il-kontroll ta’ Ankara u Istanbul, l-akbar żewġt ibliet fil-pajjiż.

Ir-rejd fuq ambaxxata Koreana fi Spanja kien ‘attakk terroristiku’- il-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq iddeskriviet bħala attakk terroristiku gravi r-rejd li seħħ fl-ambaxxata fi Spanja x-xahar li għadda. Fl-ewwel kumment uffiċjali, Pyongyang sejjaħ għal investigazzjoni u qal li kien qed isegwi mill-qrib l-għidut li l-FBI kellhom irwol f’dan.

L-Erbgħa li għadda, grupp kommess li jkeċċi lill-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, qal li wettaq dan ir-rejd.

Minn tal-inqas, nħarġu żewġ mandati t’arrest internazzjonali għaż-żewġ suspettati.

L-Ukreni jivvutaw għal President ġdid

Fl-Ukrajna nfetħet il-votazzjoni fl-ewwel rawnd ta’ elezzjonijiet presidenzjali.

Il-mexxej preżenti, Petro Poroshenko qed ifittex li jerġa’ jkun elett mill-ġdid iżda fuq quddiem, b’sorpriża jinsab il-kummidjant, Volodymyr Zelenskiy. Iż-żewġ kandidati flimkien mal-eks Prim Ministru, Yulia Tymoshenko, esprimew fehmiet ferm favur l-Ewropa waqt il-kampanja tagħhom. Ħadd mill-kandidati favur ir-Russja mhumiex jidhru li se jkunu eletti.

Jekk ħadd mill-kandidati ma jġib ħamsin fil-mija tal-voti, dawk it-tnejn li jkunu fuq quddiem ikollhom jipparteċipaw f’votazzjoni oħra fil-21 ta’ April. B’kollox fuq il-polza tal-vot hemm 39 kandidat.

Interdizzjoni għal mara li għamlet rapport falz

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza li timponi interdizzjoni ġenerali fuq prokuratur legali talli għamlet rapport falz dwar żewġha.

Juanita Fenech ta’ 25 sena ressqet appell wara li nstabet ħatja li fl-2014, iffabrikat evidenza u għamlet rapport falz lill-pulizija.

Hija ingħatat sentenza ta’ tliet snin ordni ta’ probation u li kellha interdizzjoni għal għaxar snin.

Mill-evidenza, deher ċar li hija kienet irrapportat li kienet vittma ta’ vjolenza domestika ta’ żewġha, li sussegwentement ġie mħarrek u qatta sbatax-il jum f’kustodja qabel ma ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Imbagħad hija kienet irrappurtat li r-raġel kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-pleġġ tiegħu billi avviċinaha, meta fil-fatt kien id-dar ma’ familtu.

Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija, rriżulta li r-raġel ma kienx fil-post allegat u għaldaqstant, il-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza.

AĠĠORNAT: Bastiment tal-merkanzija fil-Mediterran maħtuf mill-immigranti

Vapur tal-merkanzija inħataf minn grupp ta’ immigranti li salva u bħalissa qed jivvjaġġa lejn Malta.

Dan kien ikkonfermat mill-Forzi Armati ta’ Malta li ma’ mezzi tal-media fissru kif minkejja li ppruvat jikkuntattjaw lill-kaptan tal-vapur, ma rnexxielhomx.

l-AFM ikkonfermaw ukoll li fuq dan il-bastiment hemm 108 immigrant.

Jidher li l-vapur għadu f’ibħra territorjali Libjani u qed jiġi segwit mill-gwardja tal-kosta Libjana.

L-awtoritajiet lokali wkoll qegħdin jissorveljaw is-sitwazzjoni.

Il-ħtif seħħ meta l-vapur kien sitt mili ‘l barra mill-kosta Libjana.

Jammettu rejd fuq l-Ambaxxata tal-Korea ta’ Fuq

Grupp kommess li jneħħi lill-mexxej tal-Korea ta’ fuq, Kim Jong-un ddikjara li kien il-moħħ wara rejd li seħħ ix-xahar li għadda fl-ambaxxata tal-Korea ta’ fuq fi Spanja.

Cheollima Civil Defense, qiegħed ikun irrapurtat li ħarab mill-ambaxxata b’kompjuters, telefon u hard discs.

Il-każ seħħ jiem biss qabel summit importanti bejn il-president tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-mexxej tal-Korea ta’ fuq, Kim Jong-un f’Hanoi fil-Vjetnam.

Min-naħa tiegħu, l-grupp ċaħad li uża l-forza u qal li dan ma kienx attakk.

Sitt persuni attakkati f’Londra

Tul il-lejl li għadda, sitt persuni ġew attakkati b’armi bil-ponta f’Londra.

Dan seħħ fix-xlokk ta’ Londra, fejn xi persuni fuq il-post qalu li dehru żewġt irġiel armati bi skieken kbar.

Dan fl-istess waqt li f’każ separat iżda b’attakk simili, erba’ żgħażagħ weġgħu gravi u ġuvni ta’ 18-il sena tħalla jiġġieled għal ħajtu.

Iż-żewġ każijiet seħħew fl-istess ġurnata meta l-kap tal-pulizija qalet li l-vjolenza bis-skieken bejn iż-żgħażagħ hija fl-aktar livell għoli li qatt rat sa issa.

Lejn teknoloġija li tillimita l-veloċità

It-teknoloġija li tillimita l-veloċità tidher li se tkun obbligatorja għall-vetturi kollha li jinbiegħu fl-Ewropa mill-2022.

Dan wara li ntlaħaq ftehim proviżorju dwar regoli ġodda mill-Unjoni Ewropea. Id-dipartiment tat-trasport qal li s-sistema se tapplika wkoll fir-Renju Unit, minkejja Brexit.

Aqra aktar

Il-Kamra tal-Kummerċ sodisfatta bil-qligħ storiku li għamlet l-Air Malta

Il-kamra tal-kummerċ laqgħet b’sodisfazzjon il-qligħ storiku li għamlet l-Air Malta fl-elfejn u tmintax. Fi stqarrija, l-kamra tal-kummerċ fissret kif dejjem ikkunsidrat lil Air Malta bħala sieħeb importanti fit-tkabbir ekonomiku kontinwu tal-pajjiż.

Infatti l-kamra b’mod konsistenti saħqet fuq l-importanza li jiġi aċċertat futur sostenibbli għall-linja tal-ajru nazzjonali. Il-kamra tal-kummerċ żiedet tgħid kif in-netwerk tar-rotot tal-linja tal-ajru jagħmel possibli, l-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani, partikolarment f’dawk l-oqsma fejn l-investitur jeħtieġ li jibgħat lura ħaddiema u  jew familji.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kamra tal-kummerċ temmet tawgura li dawn ir-riżultati finanzjarji pożittivi ikunu biss il-bidu ta’ operazzjoni sostenibbli għal-linja tal-ajru Maltija.

Send this to a friend