Jessica Sultana | One News - Part 11

Jessica Sultana

Notifiki

Kim Jong-un bi żjara mhux imħabbra fiċ-Ċina

Il-mexxej tal-Korea ta’ fuq, Kim Jong-un wasal f’Beijing għal żjara mhux imħabbra uffiċjalment, fuq stedina tal-President Ċiniż,Xi Jinping. Kim se jkun fiċ-Ċina sal-10 ta’ Jannar flimkien ma’ martu, Ri Sol-ju.

Iż-żjara qed issir fost rapporti li qed isiru negozjati għat-tieni summit bejn Kim u l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

It-tnejn li huma ltaqgħu l-ewwel darba f’Ġunju li għadda.

‘Emma’ u ‘Noah’ kienu l-aktar ismijiet popolari għat-trabi fl-2018

Is-sena li għaddiet kienu rreġistrati kważi elfejn u mitejn isem differenti għal eluf ta’ tfal li twieldu f’pajjiżna.

Għat-tieni sena konsekuttiva Noah kien l-iktar isem popolari għall-ulied subien filwaqt li l-isem Emma ħa post Emily f’dawk li huma l-iktar ismijiet popolari għall-bniet.

Noah huwa isem mill-Ebrajk li jfisser mistrieħ u hu wieħed mill-ismijiet b’influwenza biblika fejn jingħad li Alla għażel lil Noah biex jibni l-arka u jimlieha b’ikel u annimali biex isalvaw minn għarar.

L-isem Emma huwa isem Ingliż li ġej mill-kelma antika Ġermaniża għal xi ħaġa sħiħa jew universali.

Mill-iktar tlieta popolari tas-sena l-oħra spiċċaw barra Emily u Sophia għall-bniet u Alexander u Samuel għas-subien. Minflok kienu Mia u Valentina t-tieni u t-tielet l-iktar ismijiet popolari għall-bniet filwaqt li fil-każ tas-subien kien hemm Luca u Liam.

Interessanti li għal darboħra, l-ismijiet doppji reġgħu kienu popolarissimi. Ngħidu aħna l-isem Emma nsibuh ukoll Emma Jade, Emma Kate, Emma May u Emma Ruby. L-istess l-isem Noah li nsibuh Noah Ġużè, Noah Mohamed u Noah Arthur fost oħrajn. Għall-bniet isem popolari ieħor kien dak ta’ Julia.

Fil-lista tal-ismijiet tidher evidenti wkoll l-influwenza tan-numru ta’ barranin fostna partikolarment dawk Taljani. Giulio, Giorgio, Gloria, Federica u ħafna oħrajn insibuhom kollha fost l-ismijiet ġodda f’pajjiżna din is-sena.

Informazzjoni personali ta’ Angela Merkel titpoġġa onlajn wara sensiela ta’ hacks fuq politiċi Ġermaniżi

Mijiet ta’ politiċi Ġermaniżi, inkluż il-Kanċillier Angela Merkel, kellhom dettalji personali tagħhom ippubblikati onlajn.

Kuntatti, chats privati u dettalji tal-karti tal-kreditu jidher li kienu fost dawk id-dettalji personali li tpoġġew fuq Twitter. Minbarra dan, jidher li anke informazzjoni oħra ta’ ċelebritajiet u ġurnalisti ġew iħekkjati.

Sa issa għadu mhux magħruf minn kien il-moħħ wara dan il-hacking.

Katanja milquta minn aktar theżżiżiet

Matul il-lejl li għadda, Katanja u l-irħula madwar il-vulkan tal-Etna reġgħu intlaqtu minn għadd ta’ terremoti, bl-aktar wieħed qawwi immarka 3.5 fuq l-iskala Richter.

Dan seħħ għall-ħabta tal-05:10 ta’ filgħodu b’epiċentru kien seba’ kilometri minn Ragalna u seħħ disat ijiem wara t-terremot li kkawża ħsarat u ħalla diversi nies midruba u bla saqaf fuq rashom.

Qiegħed ikun irrapurtat li f’seba’ sigħat inħassu b’kollox seba’ theżżiżiet.

L-Ajruporti Gatwick u Heathrow b’investiment f’teknoloġiji ġodda wara l-inċident bid-drones

L-ajruporti Ingliżi Gatwick u Heathrow mistennija jonfqu miljuni fuq teknoloġija kontra d-drone wara dak li seħħ fl-ajruport ta’ Gatwick, li jinsab f’Sussex, l-Ingilterra, qabel il-Milied. L-apparat jista’ jiskopri u jwaqqaf il-komunikazzjoni bejn id-drone u l-operatur.  Mal-1,000 titjira ġew ikkanċellati fuq perjodu ta’ tlett ijiem minħabba l-inċident bi drone fit-tieni l-aktar ajruport bieżel fl-Ingilterra.

Filwaqt li l-ajruport ta’ Gatwick qal li nefaq mal-£5 miljun biex jevita attakki futuri, Heathrow ikkonferma li se tkun qed tixtri s-sistemi.

Aktar minn 140,000 passiġġier f’Gatwick ġew affettwati waqt 36 siegħa ta’ kaos bejn id-19 u l-21 ta’ Diċembru li għadda.

L-Istati Uniti u ċ-Ċina lejn ftehim dwar in-negozji

Delegazzjoni tal-Istati Uniti se żżur iċ-Ċina l-ġimgħa d-dieħla għal taħdidiet maħsuba biex inaqqsu l-gwerra ta’ negozju li hemm bejn l-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja. Is-sena li għaddiet, iċ-Ċina u l-Istati Uniti imponew tariffi fuq aktar minn tliet mitt biljun dollaru fuq affarijiet ta’ xulxin.

Il-laqgħa tal-ġimgħa d-dieħla mistennija tkun l-ewwel waħda minn mindu ż-żewġ pajjiżi qablu li ma jimponux tariffi ġodda għal 90 jum.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Ċiniż, Xi Jinping qablu mal-waqfien temporanju fl-1 ta’ Diċembru.

L-Istati Uniti trid twaqqaf ix-shutdown tal-Gvern- Donald Trump mistenni jopponi

Il-kamra tar-rappreżentanti tal-Istati Uniti kkontrollata mid-Demokratiċi vvutat biex twaqqaf ix-shutdown parzjali tal-gvern. Mossa li tidher waħda li fiċ-ċert, kienet se tkun miċħuda minn Donald Trump.

Huwa qal li ma kienx se jaċċetta l-ebda miżura li ma tipprovdix fondi għall-proposta tiegħu ta’ ħajt fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku.

L-ispeaker il-ġdid, Nancy Pelosi qal li mhu se jkun hem l-ebda fondi aċċessibbli għall-ħajt.

Send this to a friend