Edward Montebello | One News - Part 2

Edward Montebello

Notifiki

“Jien domt seba’ snin u inthom f’siegħa tfajtuhom ‘il barra”

Kien l-aħħar bniedem b’kuntatt dirett mal-forzi Ingliżi li ħallew pajjiżna erbgħin sena ilu.

Dan huwa Alfred Calleja magħruf bħala l-pilot.

Tassew kien il-pilota li flimkien ma’ kollega ieħor ħarġu lil HMS London fl-ewwel t’April, l-għada taċ-ċerimonja tal-Ħelsien.

Dakinhar l-inħawi kollha tal-Port il-Kbir kienu miżgħud bin-nies li marru jaraw l-aħħar bastiment navali Ingliż iħalli pajjiżna.

Alfred spjegalna kif kienet bdiet il-ġurnata:

“Filgħodu mort għax-xogħol u nzertajt jiena biex noħroġ il-London. Niftakar kont qed nagħmel xogħol Marsaxlokk. Ħriġt bastiment tfajnih ‘il barra tan-Neurasia. U ċempilli sieħbi Pawlu qalli Fred qalli fejn qiegħed inti, għedtlu jiena ġej. Kienu xit-tmienja ta’ filgħodu Qalli għax fid-disgħa għandna l-London.”

Jisħaq li ħassu onorat joħroġ il-bastiment mill-Port hekk kif Malta issa kienet ħielsa mill-involviment tal-militar barrani.

“Aħna ħassejniha naqra, għidna, jien u sieħbi għidna daqxejn ixxurtjati għax se noħorġuha aħna din, l-aħħar waħda. Insomma u bdejna għaddejin b’dawn l-affarijiet.”

B’passjoni liema bħala spjegalna l-aħħar ftit mumenti fuq il-bastiment, bil-baħrin Ingliżi kollha sellmulu għax lil Malta baqgħu jħobbuha.

“Meta konna neżlin kulħadd ħareġ idu, hekk, il-baħrin kollha. Kulħadd iżommilna idejna, joħdilna idejna u bqajna neżlin.”

Intant wara li reġgħu lura fil-Port, Alfred u sħabu marru d-dwana ta’ Malta fejn kien hemm il-Prim Ministru, il-Perit Dom Mintoff.

Hawnhekk b’ton umoristiku Mintoff għadda messaġġ lil Alfred li baqa’ jiftakru sal-lum.

“Għedtlu lesti aħna Perit. Qalli dażgur li lesti, qalli jien domt seba’ snin u intom f’siegħa tfajtuhom ‘il barra. U kulħadd jidħaq. Beda jiċċajta, kien ferħan se jtir u beda jiċċajta. In-nies jidħqu u jarawh hekk u dan.”

 

L-Università b’aktar għarfien dwar l-awtiżmu

‘Light it up Blue’.

Din hija inizjattiva dinjija li f’Malta l-ambaxxatriċi tagħha hija l-Fondazzjoni Marigold.

Fl-Università ta’ Malta nxtegħel id-dawl blu bħala turija ta’ messaġġ qawwi favur l-għarfien dwar l-awtiżmu, hekk kif din il-kampanja bid-dawl blu huwa assoċjat ferm mal-awtiżmu.

Preżenti għal dan kollu kien hemm iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, is-Sinjura Michelle Muscat li qabel ma nxtegħel id-dawl blu tkellmet kif sa ftit tas-snin ilu, l-awtiżmu kien għadu bħala tabù.

Saħqet li llum il-Fondazzjoni Marigold, kolletivament ma’ għaqdiet oħra tellgħet l-isfidi tal-awtiżmu fuq l-aġenda tal-pajjiż u għalhekk jeżistu liġijiet dwar dan.

Hija faħħret il-Kunsill Studenti Universitarji li f’ħidma mal-fondazzjoni li tmexxi se jkun qed isir restawr ta’ kamra għal kwiet u s-serenità tal-istudenti.

F’dan il-kuntest, mart il-Prim Ministru qalet li llum l-Università qed issir aktar aċċessibli għal dawk bl-awtiżmu u tieħu gost tara studenti bl-awtiżmu jattendu u jistudjaw fl-Università ta’ Malta.

Eżempju ta’ negozju tal-familja li mxiet ‘il quddiem

F’San Pawl il-Baħar il-Prim Ministru Joseph Muscat żar in-negozju ta’ Mecca Marine Malta fl-okkażjoni tal-ħamsa u ħamsin anniversarju mill-ftuħ.

Imdawwar mill-familja Chetcuti, Dr. Muscat ra l-qabża li għamlet il-kumpanija fis-settur marittimu.

Qal li dan in-negozju huwa eżempju ta’ intrapriża tal-familja li rat kif timxi maż-żminijiet.

Il-Prim Ministru faħħar il-bżulija tal-familja Chetcuti li tat kontribut qawwi fin-negozju marittimu.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Mecca Marine Malta Nichol Chetcuti tkellem dwar kif il-klima ekonomika tal-lum tippermetti lil dawk li jinvestu fuq opri tal-baħar biex ikabbru.

“Għalhekk nemmen li llum bl-ekonomija li hawn min xtara dgħajsa iżgħar ftit tas-snin ilu llum il-ġurnata qed ikabbru. Illum forsi anki rajtu barra qed nagħmlu l-Mecca Boat Expo” qal Chetcuti

Miegħu ngħaqad missieru Paul li tkellem kif ma jistax jemmen kif in-negozju li 55 sena ilu welled issa kompla jikber u jissaħħaħ.

“Sodisfazzjon kbir. L-ikbar sodisfazzjon huwa li t-tfal irnexxielhom ikomplu x-xogħol tiegħi u qed ikabbruh iktar milli kont nista’ nkabbru jien.”

Fi tmiem iż-żjara tiegħu l-Prim Ministru kixef plakka ta’ kommemorazzjoni biex ifakkar is-suċċess ta’ din il-kumpanija Maltija.

 

ARA: Inizjattiva pożittiva favur l-ambjent mill-Partit Laburista

Attivisti tal-Partit Laburista f’inizjattiva favur ambjent nadif Għexieren ta’ attivisti tal-Partit Laburista ingħaqdu flimkien f’inizjattiva pożittiva favur ambjent nadif. F’atmosfera mill-isbaħ ta’ tim maqgħqud u mimli entużjażmu uffiċjali, kandidati u volontiera tal-Partit Laburista għaddew is-Sibt filgħodu f’inizjattiva ta’ Clean Up day f’ seba’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Filwaqt li l-Kunsilli Lokali jagħmlu xogħol importanti biex iżommu l-lokalitajiet nodfa għad hemm ċirkostanzi fejn persuni differenti jgħażlu li ma jieħdux ħsieb l-ambjent ta’ madwarhom.

Kif wara kollox urew l-għexieren ta’ kili ta’ skart miġbura fi ftit sigħat. Kien għalhekk li bħala parti mill-inizjattivi b’rabta mal-40 anniversarj tal-Ħelsien il-Partit Laburista għażel li jibgħat ukoll messaġġ favur ambjent nadif u l-bżonn ta’ sens ċiviku qawwi. Għax ambjent nadif jiddependi minnha wkoll bħala ċittadini. Il-lokalitajiet li ħadu sehem f’din l-inizjattiva huma Birżebbuġa, Floriana, Qormi, Mellieħa, Mosta, Munxar u Pembroke. Il-Partit Laburista jirringrazzja organizazzjonijiet oħra li ngħaqdu miegħu f’din l-inizjattiva suċċess u l-Cleansing and Maintenance Division għall-assistenza tagħhom.


Send this to a friend