Clifford Galea | One News - Part 100

Clifford Galea

Notifiki

L-aħħar ċans biex tixtri biljetti għall-kunċert The Other Europeans – Valletta 2018

The Other Europeans, kunċert organizzat minn Valletta 2018 li jinkudi 14-il mużiċist Yiddish klezmer u Roma lautari, se jsir nhar is-Sibt 3 ta’ Frar fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat fis-7.30pm.

Solisti distinti minn seba’ pajjiżi bl-isem ta’ The Other Europeans li anke saħansitra ngħataw il-premju Best Practices in Favour of the Roma Community mill-Kummissjoni Ewropea; grupp li jfittex li jibni rapporti kulturali ġodda, prinċipalment bejn żewġ popli li spiss jitqiesu Ewropej b’mod mariġnali biss, iżda li madankollu kellhom rwol ewlieni fil-ħolqien u fix-xandir tat-tradizzjonijiet mużikali Ewropej. The Other Europeans se tinkludi wkoll lil The Hot Club of Valletta, immexxija minn George Curmi l-Puse.

Imfassla u ggwidata minn Alan Bern u ffinanzjata b’għotja mill-Unjoni Ewropea, din il-prestazzjoni tippreżenta super grupp li joħloq mużika qawwija li tmiss l-emozzjonijiet mill-qiegħ. Il-ħoss tagħhom huwa ħoss kollettiv li jirreżona koperazzjoni antika sekli bejn żewġ gruppi li kienu jgħixu fl-istess spazju tal-Moldova ta’ żmienna qabel ma nfirdu kaġun tal-gwerra, tal-olokawstu u tal-immigrazzjoni.

Biljetti ta’ €5 jistgħu jinxtraw minn tickets.valletta2018.org/

L-ogħla livell ta’ ottimiżmu ekonomiku qatt reġistrat fost il-familji f’pajjiżna

Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Jannar juri li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro. Imqabbel mal-istess xahar fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, l-ottimiżmu hu 27% ogħla.

L-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u f’tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ kunfidenza d-doppju tal-medja Ewropea.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hawn inċertezza f’dawn l-oqsma, mal-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozji qalu eżatt l-oppost. Ħafna operaturi fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin – minkejja li diġà marru tajjeb fix-xhur li għaddew –  u għalhekk qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.

Fil-qasam tar-retail ħafna operaturi qed jistennew żieda fil-bejgħ u għalhekk se jżidu l-impjiegi, filwaqt li fl-industrija ħafna fabbriki qed ibassru titjib fil-produzzjoni u għalhekk żieda fil-ħaddiema hekk kif diġà għandhom ordnijiet b’lura għal tliet xhur.

Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi, kien hemm żieda qawwija fl-attività u għalhekk se jfittxu li jħaddmu aktar nies hekk kif diġà għandhom xogħol b’lura għal seba’ xhur.

Fost il-familji Maltin ġie osservat l-ogħla livell ta’ ottimiżmu mindu l-Kummissjoni Ewropea bdiet tagħmel dan l-istħarriġ xahar wara xahar fl-2002. Fil-fatt, il-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb.

Il-familji qed iħossu li l-ekonomija kibret, tant li qed jistennew li l-qgħad se jkompli jonqos. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hawn l-ogħla proporzjon ta’ nies li bħalissa qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar bis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tagħhom.

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juru kemm jeżisti sens qawwi ta’ ottimiżmu bla preċedent fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Dan jirrifletti l-fiduċja kbira li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern fis-settur ekonomiku, minkejja n-negattiviżmu tal-Oppożizzjoni u tal-kampanja distruttiva li qed tagħmel biex tipprova tnaffar l-investiment minn pajjiżna.

Il-Gvern jinsab determinat li fix-xhur li ġejjin ikompli jpoġġi lil pajjiżna fuq sisien sodi għall-futur.

Konferenza finali li tindirizza l-Awtiżmu

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis irrappreżenta lill-Gvern Malti waqt il-konferenza finali tal-proġett ASDEU (Autism Spectrum Disorders in Europe) f’Madrid fejn bir-Raba’ Pakkett ta’ Ħidma f’dan il-proġett, permezz tiegħu saret riċerka u kumpilazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-politika nazzjonali tas-saħħa u tal-aspett soċjali fir-rigward tal-awtiżmu.

Agius Decelis tkellem dwar il-mod li bih il-Gvern Malti jrid jitratta s-suġġett tal-awtiżmu u kif din il-perspettiva qed titpoġġa f’kuntest iktar wiesgħa tax-xenarju Ewropew u tal-proviżjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda li Malta rratifikat fl-2006. Insista li l-identifikazzjoni u l-interventi bikrin huma ta’ importanza kbira biex jiġi indirizzat l-element ta’ impairment fl-awtiżmu u biex jiġi assigurat li persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom jingħataw l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja. Enfasizza l-punt li l-ostakli maħluqa mis-soċjetà, ma jistgħux jiġu injorati.

Dan jista’ jsir biss permezz ta’ sistema li tkun koordinata; l-ewwel fuq livell domestiku, fejn il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu jista’ jservi bħala mudell għal pajjiżi oħrajn billi jġib madwar l-istess mejda rappreżentanti tal-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-awtiżmu, flimkien ma’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom, imma wkoll fuq livell Ewropew permezz ta’ koperazzjoni aktar fil-fond bejn numru ta’ pajjiżi, permezz ta’ proġetti bħall-ASDEU u permezz ta’ koperazzjoni aktar formali fil-forma ta’ strateġija Ewropea dwar l-awtiżmu kif promossa mill-Membru Malti tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li indirizzat din il-konferenza mill-Istati Uniti permezz ta’ video.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza li toħloq għarfien li jwassal biex dawn il-persuni u l-familji tagħhom jiġu aċċettati, trawwem l-inklużjoni u finalment twassal għal empowerment. Id-direttur tal-konferenza rringrazzja lil Malta għall-isforzi tagħha f’dan is-settur u tal-impenn tagħha biex bagħtet delegazzjoni għal din il-konferenza.

Qed tinkixef parti mill-istorja mitlufa – MUŻA

Il-binja li għaddej ix-xogħol fuqha biex fix-xhur li ġejjin tiftaħ il-bibien tagħha bħala l-akbar mużew tal-arti f’pajjiżna, għandha storja li tmur lura għall-elf ħames mija sitta u sebgħin.

Tul is-snin serviet bħala berġa għall-Kavallieri Taljani, l-Arkivji Notarili, għal xi żmien mużew, imbagħad Qorti u posta, u sas-sena li għaddiet l-uffiċini għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Kull min għamel użu minna fl-aħħar erba’ mija u erbgħin sena, ħalla l-marka u l-istorja tiegħu.

Aqra aktar

Minn kull ma ħlomt f’żgħożiti

Minn kull ma ħlomt f’żgħożiti,

infittex kollox baħħ,

Il-qalb xiħa w għajjiena

Ma tafx tgħid ħlief “aħħ”.

Li ħlomt kien kollu ħolma,

Li għext kien ħajja biss.

Aħ kieku t-tnejn ingħaqdu,

Il-qamar kont immiss.

Issa qasira l-ħajja,

U l-ħolm duħħan itir……..

 

Kos hux, iż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd. Fil-mument ma nirrealizzawx għax nirsistu għall-aħjar, kultant bi sfida ma’ xulxin u f’tellieqa waħda qisu qatt mhu se mmutu. U mn’alla nħarsu ‘l quddiem għax kieku wieħed joqgħod jaħseb, tispiċċa titlef il-konċentrazzjoni tal-ħajja. Jibqgu biss il-memorji, il-kitbiet bħal din il-poeżija ta’ Rużar Briffa, il-plakek mal-ħitan u monumenti u niċeċ bħal din li tidher fir-ritratt.

Din in-niċċa ħelwa bi plakka għall-iskrizzjoni taħtha, tinsab wara t-Torri Cumbo, fi Triq it-Torri kantuniera ma’ Triq id-Durumblat fil-Mosta. ir-ritratt huwa ta’ Mark Anthony Bugeja.

Lill-FIAU ma jindaħlilha ħadd – PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-FIAU hija istituzzjoni indipendenti, li taqa’ taħt is-supervizjoni tal-Ministru tal-Finanzi iżda ħadd ma jgħidilha x’għandha tagħmel u kif għandha tagħmel.

Huwa kien qed iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li staqsa kif il-PM se jsaħħaħ l-FIAU u hux se jsir it-tibdil suġġerit mill-Parlament Ewropew u l-investigazzjonijiet kollha pendenti fl-iqasar żmien.

Aqra aktar

14-Il żona marittima protetta; sforz pożittiv mill-Gvern

L-Awditur Ġenerali f’rapport innota l-isforzi riċenti tal-Gvern biex ġew dikjarati Żoni Marittimi Protetti b’konformità mad-Direttivi tan-Natura 2000. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex permezz tagħhom tkun imħarsa l-bijodiversità marittima inklużi l-għasafar tal-baħar. Madanakollu, il-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni tirrikjedi pjanijiet għall-immaniġġjar kif ukoll riżorsi suffiċjenti li jippermettu implimentazzjoni f’waqtha, flimkien ma’ moniteraġġ u infurzar effettiv ta’ dawn il-pjanijiet.

L-erbatax-il żona stabbilita jikkostitwixxu madwar 30 fil-mija tal-Fisheries Management Zone  u ġew iddikjarati bħala siti protetti abbażi ta’ sitt studji prinċipali, ikkummissjonati jew approvati mill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, bi spiża ta’ madwar €4.6 miljun.

Tasal fi tmiemha t-tieni fażi ta’ negozjati tal-Brexit

Ġiet fi tmiemha t-tieni fażi tan-negozjati Brexit.

It-tieni sensiela ta’ direttivi li ġew innegozjati ġew addottati mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li għalih attendiet il-Ministru Malti għall-Affarijiet Ewropej, Helena Dalli.

It-tieni sett ta’ direttivi jitkellmu dwar it-tranżizzjoni u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li jseħħ Brexit.

Dan jibni fuq l-ewwel sett ta’ direttivi li kienu dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-ftehim finanzjarju u l-kwistjoni tal-Irlanda.

Il-Ministru Dalli saħqet li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fuq ċertu kwistjonijiet għandha tkun flessibbli, speċjalment meta l-pożizzjoni tar-Renju Unit ma kinitx ikkomunikata formalment, fosthom fuq kwistjonijiet dwar is-servizzi, is-servizzi finanzjarji u l-mobilità taċ-ċittadini.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se jaddotta linji gwida oħra f’Marzu li ġej.

Dan filwaqt li t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jseħħ fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu tas-sena d-dieħla, wara perjodu tranżitorju ta’ wieħed u għoxrin xahar.

Il-banek Ċentrali ta’ Malta u l-Alġerija, itejbu l-kooperazzjoni

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Banque d’Algérie;  il-bank ċentrali Alġerin qablu li jorganizzaw laqgħa annwali ta’ livell għoli.

Id-Direttur tal-Bord Philip Meli u l-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjonijiet u Relazzjonijiet Internazzjonali Silvio Galea, iltaqa’ mal-Gvernatur Mohamed Loukal, il-Viċi Gvernatur Said Maherzi u l-Konsulent tal-Gvernatur Abed Hocine f’Algiers il-ġimgħa li għaddiet.

Il-promozzjoni tas-servizzi bankarji biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tas-servizzi u investimenti bejn iż-żewġ pajjiżi kienet għolja fuq l-aġenda tal-laqgħa. Ġiet diskussa wkoll il-kollaborazzjoni fit-taħriġ u l-edukazzjoni ulterjuri fl-istudji bankarji ċentrali.

 

 

Send this to a friend