Chris Balzia | One News

Chris Balzia

Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Notifiki

Qed nitilfu r-rispett?

Tmiem il-ġimgħa l-oħra kienet ikkaratterizzata mill-kwistjoni bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq abbozz ta’ liġi li jaffettwa l-professjoni tal-għalliema. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ min minnhom kellu raġun, jew jekk il-konsultazzjoni indirizzatx il-punti kollha tal-abbozz. Iżda nixtieq inqajjem ftit osservazzjonijiet minn dan l-episodju politiku li seta’ intemm f’wieħed mill-aqwa pantomimi amatorjali. Madanakollu, għall-grazzja tas-sens komun, intlaħaq fteħim bejn il-Gvern u l-MUT (anke jekk għall-bidu t-tentattivi tal-Gvern sabiex jevita l-istrajk kienu jidhru li huma għal xejn).Aqra aktar

Impenn soċjali f’ekonomija b’saħħitha.

Matul dawn l-aħħar jiem pajjiżna reġa’ ngħata ċertifikat pożittiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija u s-sotenibbilità tagħha. Issa drajna nisimgħu riżultati pożittivi ġejjin mil-istituzzjonijiet dinjija, u dan jagħmel ġiħ għall-politika finanzjajra u strateġika li qed jimxi biha l-Gvern. Fejn qabel kellna gvernijiet li kienu ‘fire-fighting mode’ minħabba diversi raġunijiet, illum qed naraw gvern li qed jindirizza l-isfidi iżda fl-istess ħin qed jibqa’ jieħu ħsieb it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż u l-ħtiġijiet tal-poplu.Aqra aktar

Infrastruttura adekwata u sostenibbli

L-infrastruttura ta’ pajjiż kulħadd imiss magħha, b’mod speċjali dak relatat mal-bini, servizzi u aċċessibilità. Ilkoll nafu li pajjiżna avvanza tul is-snin, iżda irridu nammettu li l-investiment infrastrutturali qatt ma żamm mal-pass ta’ dan il-progress. Proġetti relatati mat-toroq, servizzi tal-elettriku, tal-ilma u dawk sanitarji dejjem tħallew jaqgħu lura meta kkumparat mal-investimenti oħra li gawda minnhom pajjiżna.

 

Il-fatt li dawn tħallew għal riħhom għal diversi snin ma jfissirx li nistgħu naqbu u nibdlu kollox ta’ taħt fuq mingħajr ma nħarsu lejn il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Mandanakollu, lanqas m’għandna inħallu dan it-tip ta’ raġunar iwaqqafna milli nagħmlu l-investimenti importanti li hemm bżonn. Pajjiżna jixraqlu infrastruttura denja u moderna, kemm bħala attrazzjoni għall-investituri kif ukoll għalina li nagħmlu użu minnha ta’ kuljum.

 

Ilkoll ingergru bit-traffiku, ilkoll ingergru bil-kwalità tal-ilma fil-vit, ilkoll ingergru fuq bankini imkissra…u sewwa nagħmlu – diment li din il-kritika tkun ġustifikata! Fl-istess waqt, xejn ma jsir permezz ta’ daqqa ta’ bakketta maġika. Huwa propju hawn fejn nibqa’ mistgħageb b’ċertu argumenti li jitqajjmu, fejn inħoss li ħafna drabi dawn jintqalu għall-konvenjenza. Hemm esponenti li verament huma ġenwini f’dak li jemmnu u jgħidu, iżda hemm oħrajn li jippreferu jesaġeraw is-sitwazzjoni sabiex jidhru bħala paladini. Ma nistax nifhem kif qed nopponu ċertu nvestiment infrastrutturali meta huwa ċarissimu li dan huwa neċessarju li għandu jseħh għall-ġid ta’ pajjiżna kemm fil-preżent kif ukoll għall-futur.

 

Naqbel li għandu jkun hemm konsultazzjoni u kritika kostruttiva mmirata sabiex proġetti infrastrutturali jinkorporaw skop iktar wiesa’ sabiex l-iżvilupp ikun sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. Iżda ejja ma nkunux drammatiċi iżżejjed fl-argumenti li inqajmu. Flimkien irridu niżguraw li l-infrastruttura li ilha ġejja minn żmien l-Ingliżi nimmodernizzawha sabiex pajjiżna jkun kapaċi jilqà l-isfidi li għandu quddiemu.

 

Naqbel li l-investiment m’għandux isir għad-detriment ta’ xi ħaga oħra, bħall-ambjent jew spazji miftuħa. Pero rridu nżommu kollox fil-kuntest ta’ pajjiżna. Jekk qed jitneħhew siġar mit-toroq sabiex dawn is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u siguri, ma jfissirx li qed neqirdu l-ambjent. Diment li proġetti infrastrutturali jġorru magħhom responsabbiltà ta’ kumpens ambjentali fil-pajjiż, ma nara xejn ħażin b’dan il-bilanċ. Apparti minn hekk, l-ambjent m’huwiex biss is-siġar tat-triq. Riċentament rajna l-investiment importanti mill-Water Serviċes Corporation imlaqqam ‘New Water’ – ilma ttrattat li jista’ jintuża għal skopijiet agrikoli biex, fost affarijiet oħra jonqos l-impatt fuq il-water-table.

 

Id-diskussjoni ambjentali għandha tkun ferm aktar wiesa’ minn sempliċi argument dwar siġra f’nofs ta’ triq. Inħoss li hemm bżonn għarfien ikbar dwar il-konservazzjoni u riċiklar tal-ilma, waste-management, konservazzjoni tal-ambjent, żoni rikreazzjonali kif ukoll il-bżonn ta’ spazji miftuħa fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna. Irridu nħarsu lejn il-master plans tal-lokalitajiet u reġjuni sabiex niżguraw sostenibbiltà fil-kwalità tal-ħajja, kif ukoll nħarsu l-irħula viċin żoni industrijali sabiex ir-residenti jkollhom għixien diċenti. Irridu nitgħallmu nivvalorizzaw iktar dak li għandna u nibdew nieħdu deċiżjonijiet li jħarsu fit-tul, aktar milli quick-fixes li ma joffrux sostenibbiltà.

In-‘New Way’ ta’ Delia

“Don’t keep on washing your hands. Suspend Pilatus Bank license now!”

Hekk qal Adrian Delia lill-Prim Ministru ftit mumenti wara li ġie rraportat fl-aħbarijiet li ċ-Chairman tal-Pilatus Bank kien arrestat fuq allegat akkużi t’evażjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi imposti mill-Istati Uniti fuq l-Iran – minn għadd ta’ kumpaniji ohra f’ismu. Mhux se nidħol fil-mertu tal-akkuża jew tal-integrita’ tal-ex-chairman tal-Bank, għal dan inħalli l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Uniti sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji.Aqra aktar

Bidla fil-mentalitá u l-kultura

Ftit tal-ġranet ilu, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena skolastika se jkunu qed jintemmu mill-iskejjel tal-iStat u minflokhom isir assessjar matul is-sena. Din hija deċiżjoni għaqlija, peress li ma nħossx li l-eżamijiet ħuma l-uniku metodu ta’ kif wieħed għandu jevalwa l-istudenti. Progress tul il-ħajja m’għandux ikun ibbażat fuq eżami ta’ ftit siegħat, speċjalment f’eta’ kruċjali fl-iżvilupp tal-individwu.

Madanakollu, nittama li dan it-tibdil huwa wieħed maħsub u maqbul bejn dawk kollha ikkonċernati, b’mod speċjali dawk li jridu jħaddmuh – l-għalliema. Dan it-tibdil m’huwiex biss wieħed li ma jsirux l-eżamijiet, iżda l-bidu ta’ bidla radikali fil-kultura u mentalitá tagħna. Is-sistema tagħna hija predominata mill-eżamijiet filwaqt li meta jsir l-assessejar matul is-sena, ftit li xejn jingħata importanza. Is-sistema edukattiva preżenti tidher li tippromovi aktar studenti li jitgħallmu bħall-pappagall milli sistema li tinkoraġġixxi lill-istudenti jaħsbu u janalizzaw b’mod kritiku. L-assessjar għandu jkun għodda sabiex ninkoraġixxu l-istudent fil-mixja tiegħu/tagħħa fis-sistema edukattiva, u mhux iservi ta’ mezz ieħor ta’ kif nittimbraw u neskludu studenti li ma jkunux konformi mal-istandard li nixtiequ.Aqra aktar

Sabu s-siġġu!

Fl-aħħar Adrian Delia sab postu fil-Parlament ta’ Malta wara r-riżenja tar-‘record-man’ Peter Micallef. Dan mhuwiex it-tmiem tas-saga interna tal-PN, iżda għadu l-bidu tax-xow, xow politiku li għal wħud jidher li huwa komiku iżda fl-istess ħin drammatiku u tal-biki għas-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżna.Aqra aktar

Potenzjal mhux utilizzat biżżejjed

In-numru rekord ta’ turisti li jżuru pajjiżna huwa xhieda tal-prodott ħolistiku tajjeb li noffru bħala pajjiż. Il-lukandi, ristoranti u servizzi relatati mal-ospitalità kollha għamlu qabża ‘l fuq fil-kwalitá u li anki jitgawda mill-poplu Malti inġenerali meta jagħmel użu minn dawn is-servizzi. Però nħoss li wasal iż-żmien li nħarsu lejn niċċa oħra li dan il-pajjiż għandu x’joffri lit-turist, u anki lill-poplu lokali – il-potenzjal tal-kampanja Maltija, u l-ġmiel li toffri. Diġà hawn siti onlajn, kif ukoll kotba għall-bejgħ, li jirreferu għall-ammont żgħir ta’ mixjiet fil-kampanja jew irħula. Però dan m’huwiex biżżejjed fid-dinja tal-lum.

Aqra aktar

Inxammru l-kmiem

Fi ftit jiem wara li hareġ ir-riżultat elettorali, il-Prim Ministru ħabbar il-kabinett il-ġdid li bih se jkun qed jibda’ it-tieni leġiżlatura tiegħu fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. It-talent ma jonqosx, anki jekk hemm tibdil fl-uċuħ tal-membri parlamentari meta mqabbel mal-leġiżlatura preċedenti.

Issa li tlestew l-elezzjonijiet każwali, uffiċjalment ġie komplut il-grupp parlamentari laburista wara l-elezzjonijiet tat-3 ta’ Ġunju. Grupp Parlamentari li fih taħlita tajba f’dak li huwa riżors uman – b’individwi ġodda u dawk b’esperjenza parlamentari kif ukoll taħlita ta’ membri żgħażagħ u dawk ikbar fl-eta’. Grupp li jidħer promettenti, u f’sintonija mal-istil ta’ tmexxija, u l-viżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Aqra aktar

It-tankijiet se jitilqu wkoll!

Sa fl-aħħar il-poplu ta’ Birżebbuġa u r-residenti tan-Nofsinhar ta’ Malta sabu Gvern li qed jisma’ l-karba tagħhom u jieħu azzjoni. Wara l-għeluq tal-powerstation tal-Marsa u l-bini ta’ powerstation ġdida ġewwa Delimara li taħdem bil-gass naturali, ftit tal-jiem ilu assistejna għall-iżmantellar ta’ wħud mit-tankijiet tal-ħażna tal-fuel ġewwa Birżebbuġa, fl-impjant bl-isem tal-“31 ta’ Marzu”, mgħaruf aħjar mir-residenti bħala “tax-Shell.”

Dan l-iżmantellar, u eventwalment l-għeluq tal-impjant, kienet wegħda li semma il-Partit Laburista sa mill-bidu nett tal-leġiżlatura tiegħu, u li issa qed narawha titwettaq. Bħalma bosta jafu, dan l-impjant ilu hemm għal diversi snin u serva l-funzjoni tiegħu iżda wasal iż-żmien li nħarsu lejn l-impatt li qed iħalli fuq il-lokalità u dawk kollha li jżuru l-inħawi.

L-impjant huwa mdawwar mir-residenzi, b’footprint enormi li, minħabba t-tip t’operat huwa ta’ periklu kbir kif ukoll qed iħalli impatt ambjentali ħażin t’irwejjaħ, u seepage ta’ żejt fil-blat, li saħansitra joħroġ lejn il-baħar!

Medda t’art bħal dik ta’ madwar 38,000 metru kwadru hija rigal lejn il-poplu li jkun jista’ jerġa jgawdiha kif ukoll rebħa għall-ambjentalisti ġenwini.

Kif qed insemmi l-ambjentalisti, nixtieq nagħmel dan l-ispunt – fejn huma dawk l-ambjentalisti li jippuppaw sidirhom u jħabbtu fuq qalbhom dwar issues oħra (ħafna drabi politiċizzati)?

Alla jbierek, qatt, qatt u qatt, ma lissnu kelma dwar l-abbuż li sfat minnu Birżebbuġa u l-attenzjoni li jistħoqqilha, jew tal-inqas dwar il-proġetti li qed jerġgħu jgħatu dinjità liż-żona tan-Nofsinhar.

Aqra aktar

Send this to a friend