Charles Xuereb

storicista, ġurnalist u xandar, producer ta’ programmi edukattivi u kulturali mis-snin sittin, għallem il-Franċiż u l-Malti jillekċerja dwar il-memorja kollettiva, il-kommunika u l-ħsieb kritiku. Kiseb Masters fl-immaniġjar tal-media mill-Università ta’ Stirling u dottorat mill-Università ta’ Malta bit-teżi fuq l-interpretazzjoni tal-istorja u l-identità Maltija kif issawwret fl-aħħar mitejn sena permezz tal-memorja kollettiva u l-kontroll kolonjali attravers il-media, l-edukazzjoni u l-ispazju pubbliku, liema teżi ġiet ippubblikata mill-Malta University Press fl-2014 bl-isem France in the Maltese Collective Memory, Perceptions, Perspectives, Identities after Bonaparte in British Malta.

 Soċjetà multikulturali u kurraġġ politiku

  • L-isfidi tal-2017 jittestjaw lill-politiċi

Qed ngħixu f’era msejjħa tal-‘wara l-verità’ (post-truth) fejn il-perċezzjoni – kif naraw dak li jiġri madwarna – u l-emozzjoni,  x’inħossu dwar dak li jiġri, bosta drabi npoġġuhom qabel il-fatti. Kulħadd jaf li r-referendum ta’ Brexit f’Ġunju tas-sena l-oħra wera b’mod ċar li r-Renju Unit joħroġ, iżda llum l-istess elettorat qed jiddubita għamilx sew. Trump wasal biex jieħu l-ġurament tal-president ġdid Amerikan, iżda, qabel biss tela’ ġa mhux qed jaqbel mal-istess leġislaturi tal-partit tiegħu li kkonfermawh fil-Kungress tal-Istati Uniti. Tgħid il-politka liberali qed tmajna? Kemm hi soda d-demokrazija f’pajjiżi tal-Punent fejn ilha titħaddem b’suċċess konsiderevoli?

Aqra aktar

Il-politka tgħaddi, il-kultura tibqa’

Kien jum il-Milied tal-1130 – ġa kważi 900 sena ilu – meta l-Konti Ruġġieru, iben missieru li kien ukoll Konti Ruġġieru u li kien ukoll ġie Malta l-ewwel darba madwar 40 sena qabel, inħatar is-Sultan Ruġġieru II (ukoll jekk l-ewwel ma kienx hemm) fil-Kattidral ta’ Palermo qrib tagħna Sqallija. Il-familja tal-konti kienet tal-Hautevilles l-aħħar min-Normanni, li bħalma għamlu Sqallija daħħlu lil Malta fl-Ewropa Nisranija bis-saħħa wara pawsa ta’ sekli f’dominju aktar Musulman.

Aqra aktar

L-espressjoni artistika tal-Milied Malti

  • Żgur nistgħu nkunu ferm aktar kreattivi

Il-Milied magħna u bħar-rutina tal-festa tar-raħal tfaċċa t-tiżjin li jsebbaħ (xi drabi jkerrah) it-toroq, l-irħula u l-imbierka roundabouts mal-gżejjer kollha. Nistgħu ngħidu li issa daħlet drawwa li bħal ħafna bliet barranin bi tradizzjonijiet u kultura Nisranija (ukoll jekk il-knejjes tagħhom aktar mimlija bit-turisti milli bid-devoti) nesprimu artistikament il-ferħ tat-tifkira tat-twelid ta’ Ġesu Bambin. Waqt li xi lokalitajiet, l-aktar dawk kummerċjali, qed jagħmlu sforzi biex itejbu l-espressjoni artistika oħrajn, l-aktar fejn huma postijiet pubbliċi (bħar-roundabouts) weħlu fi stil ta’ kitsch imsawwar minn dilettanti bla ebda ħjiel ta’ armonija mal-ambjent u wisq anqas mal-assiem ġenerali li għandu jilqa’ lis-sewwieqa li jsuqu minn roundabout għal oħra. Kulma jidher jixxiebah huwa l-livell fqir u primittiv li bihom tara għadd ta’ strutturi u forom tal-injam jew materjal ieħor jixgħelu b’figuri varji bla ebda ħajra li tapprezza xi forma ta’ arti fihom.

Aqra aktar

Il-mewġa ta’ xokkijiet populisti tkompli

Daqqa ta’ ħarta għan-nisa fil-politka moderna

M’hemmx dubju li r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tinsab fuq fomm kulħadd. Ħafna osservaturi politiċi – u ċerti mexxejja politiċi u boroż globali tal-finanzi – qed iqiesuh bħala xokk ieħor f’mewġa dejjem tikber ta’ ilħna tal-poplu li jridu l-bidla fil-pajjiżi demokratiċi mingħajr l-appoġġ ta’ dawk li ġejjin minn dik is-sezzjoni ġa stabbilita (establishment) u li allura ikollhom ħafna esperjenza ekonomika u responsabbiltà.

Il-fatt li Donald Trump – li xi wħud poġġewh b’ċans wieħed f’150 li jirbaħ – barrani għal kollox għall-klassi politka rebaħ, ukoll jekk kien stqarr u wiegħed ħwejjeġ kontroversjali, jidher li qanqal aktar il-vot popolari. Tidher li l-Amerka tilfet iċ-ċans li jkollhom l-ewwel mara bħala president. Hawn l-ewwel riflessjoni fuq il-fiduċja popolari fin-nisa fil-ħajja pubblika – tista’ wkoll titqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-avvanz femminili fil-politka moderna.

Aqra aktar

Bla memorja mhemmx identità, u bla identità mhemmx nazzjon

 Interessanti ferm din il-frażi li tiftaħ l-għajnejn ta’ dawk li jaħsbu li llum ma fadalx żmien biex toqgħod tiftakar fl-imgħoddi, iżżomm il-memorja ħajja tal-passat u tibni identità nazzjonali. Din stqarrha fi ktieb dwar it-tiswir ta’ nazzjon Anthony D. Smith, soċjologu storiku Ingliż li għad kemm miet f’Lulju li għadda.

Hawn min jagħti importanza kbira – kif għandu jkun – lill-ekonomija, kemm fil-finanzi tal-familja, tan-nazzjon u anki in ġenerali tad-dinja. Hawn min ma tantx iħabbel rasu mit-tradizzjonijiet, id-drawwiet, it-tifkiriet li għamluna nazzjon, mill-imgħoddi. Ġrajjet Malta jaraha l-iżjed fir-rebħ storiku ta’ dawk li kienu jikkmandaw f’dal-gżejjer. Hawn min jemmen li mhemmx raġuni għala għandek tistudja l-imgħoddi kif jidher minn dak li nagħmlu llum: kif ngħallmu l-istorja, kif nitkellmu dwarha, kif naħsbuha dwarha u kif nuruha fil-monumenti u fis-simboli li jdawwruna. Hawn min jaħlef bil-fdal barrani biss u lest ikattarhom għax bilkemm ma jitnaffarx jekk tfakkru li l-eroj tagħna anqas nafu sew min huma.

Aqra aktar

Aħbarijiet bla sens issa suppost jonqsu

It-twassil tal-aħbarijiet ilu magħna minn qabel ma l-bniedem għaraf jikteb jiġifieri xi 3,000 sena qabel Kristu. Kull min kien jitħarrek minn post għall-ieħor instabu dokumenti li juru li fejn kien jasal kulħadd kien jistaqsih minn fejn ġej, x’ħalla warajh. U jekk ikun se jitlaq l-istess: għidilna x’ikun sar minnek, tina aħbarek. Biż-żmien it-twassil tal-aħbar sar soffistikat aktar saħansitra bl-ewwel ‘ġurnali’ miktuba fuq tabelli tat-tafal jew tal-metall minn żmien ir-Rumani. Dawn bnew toroq pubbliċi apposta minn fejn ġerrej kien iwassal l-aħbar, l-aktar fejn kienet tidħol l-armata, il-gwerer jew il-politka. Ġerrej kien jasal jagħmel xi 33 kilometru kuljum u kien jitħallas b’rata fissa sakemm ma jaqtax nifsu u jibqa’ fuq il-post u l-aħbar ma tasal qatt. Ir-Rumani kienu qieshom bdew l-avviżi tal-gvern miktuba għall-2,500 belt li kellhom imxerrda fl-Imperu fil-Punent, inkluż Malta.

L-ewwel gazzetta Maltija

Il-gazzetta kien il-prezz tal-ewwel ġurnal Venezjan bl-isem Notizie scritte fis-seklu 16 iżda malajr  ħa n-nar u kulħadd beda jferrex kemm jiflaħ aħbarijiet, jew aħjar avviżi, l-aktar fejn kienu jinvolvu n-negozju jew fuq dak li kienu jiddeċiedu l-gvernijiet. Biż-żmien fl-aħbarijiet tal-gazzetti bdew deħlin kurżitajiet, ħwejjeġ li jinteressaw lil ħafna, xi avveniment straordinarju, kif ukoll l-avviżi governattivi. Filwaqt li l-ġurnali bdew ifeġġu f’diversi pajjiżi Ewropej l-aktar li xterrdu bl-armati. Matul il-Gwerer Napoleoniċi kellhom ġurnal militari mimli avviżi għal kull kampanja. Malta l-ewwel gazzetta li qatt dehret kienet fil-fatt Journal de Malte (stampata bit-Taljan u l-Franċiż) li bdiet f’Lulju tal-1798; ħargu xi 10 b’kollox u l-biċċa l-kbira jinsabu l-Biblioteka, il-Belt. Dokument storiku għal pajjiżna għalkemm rari jiġi inkluż fil-wirjiet nazzjonali li jittellgħu għal diversi okkażżjonijiet. Tista’ tgħid minn dan il-ġurnal tnisslet il-Gazzetta tal-Gvern li għadha ħajja sal-lum.

Aqra aktar

Id-dipendenza ma tintemmx bl-indipendenza

Ħerġin minn Settembru meta barra l-ħarifa Mediterranja terġa’ magħna s-sena skolastika, akkademika. Eluf ta’ studenti ta’ kull età jirħewla mill-ġdid għat-tagħlim formali billi jattendu skola jew istituzzjoni: tista’ tgħid li llum iż-żgħar nett jibdew malli jitilqu jimxu biex jitħarrġu f’xi għamla ta’soċjalizazzjoni – ħaga tajba għaliex kważi kollha jinsabu waħedhom id-dar – filwaqt li l-kbar jimlew is-swali tal-lectures f’istitituzzjonijiet li kulma jmur qed dejjem joħolqu spazji akbar.

Hawn ta’ min jirrimarka – tgħodd żgur għall-università – il-maġġoranza tat-tfajliet fuq il-ġuvintur. Ħasra li fil-ħajja pubblika, fil-ħajja tar-responsabbiltà u tat-tmexxija u l-ħajja tan-negozju dan mhu rifless xejn. Saħansitra sal-Parlament dan l-iżbilanċ jibqa’ tiela’. Min jiltaqa’ mal-President ta’ Malta barra pajjiżna probabbli jieħu l-impressjoni li l-ġeneru f’pajjiżna hu mqassam sew iżda jibqa’ b’xiber imnieħer jekk jiċċekkja l-istatistika mill-uffiċċju tal-president ‘l isfel. Ma jfisserx li bqajna jdejna fuq żaqqna f’dan ir-rigward bħala pajjiż iżda żgur għad ma ħloqniex dawk l-inċentivi kollha li l-mara tidħol għal aktar responsabbiltà u tmidd rasha għat-tmexxija tal-pajjiż mal-irġiel f’numri akbar.

Aqra aktar

U iva…issa naraw! Aħna laidback?!

Din frażi li naħseb f’pajjiżna ħadet sura idjomatika. Kważi tesprimi attitudni nazzjonali dwar kif nirreaġixxu meta jkollna nagħmlu xi ħaġa u ma nkunux nafu eżattament x’irridu nagħmlu…jew agħar ma jkollnix aptit inħabblu rasna u mmiddu jdejna minnufih biex neħilsu dak li għandna nagħmlu. Spiss jiġri hekk fejn ma tkunx risponsabbli mija fil-mija mid-deciżjonijiet li trid tieħu għax wara kollox ma jiddependix kollox minnek.

Tagħna u tagħhom

Ma tistax ma tħaresx lura u tiftakar li sa mill-ewwel qawwiet li ħoloq il-kolonjaliżmu – aktarx il-Puniċi minn Kartaġni – min iqabbdek tagħmel xi ħaġa awtomatikament jidħol risponsabbli biex jara li ssir. Fi ħwejġek aktarx tħaffef ftit aktar – bozza maqtugħa d-dar jekk ma tbiddilhiex tibqa’ fid-dlam, ukoll jekk hawn min biex jasal ibiddilha jista’ jieħu ż-żmien f’dar fejn ma jgħix waħdu! L-aħħar esperjenza kolonjali tagħna kienet dik tal-Brittaniċi. Frażi komuni f’dawk is-sekli kienet ‘tħallas il-Kuruna’ jew ‘jaraw huma’. Forsi mill-indipendenza ‘l hawn tgħallimna ftit meta rajna li ‘huma’ m’għadhomx hawn u kull gvern li jmexxi l-pajjiż huwa ‘aħna’. Tgħiduli l-vizzju għadu hemm. Tintebaħ minn kemm m’għandniex sens ta’ kburija u minn kemm rari nuru li ‘hawn issa tagħna’ (ownership). Naqas, imma għadek issib min jiknes quddiem il-bieb u jressaq kollox għal nofs it-triq jew fil-ġemb bla ma jagħti każ li dak il-ġemb hu parti minn pajjiż li jien u int risponsabbli għal kull roqgħa, ukoll fejn mhux propjetà tagħna, ukoll fejn ma jiddependix minna li nnaddfuh. Żgur tibqa’ dejjem responsabbiltà tagħna li ma nħammġuhx!

Poter mill-istorja u “sorry”

L-Amerikani jħobbu l-espressjoni laidback, speċi tħalli kollox għaddej, ma teċċitax ruħek wisq u fejn tista’ ddawwar wiċċek. Imqar jekk tistudja l-puntwalità. Naqset. Sas-snin sittin konna naraw amministrazzjoni mgħobbija bis-suldati u ex-servizzi fejn kulħadd imdorri jiċċaqlaq b’xi suffara jew kmand. Meta kont naħdem it-Times dak iż-żmien kien hemm diversi li kienu jiġu mis-servizzi u anki t-ton tal-vuċi tagħhom fiha nfisha kienet kmand. Qatt innutajtu l-pulizija. Ġuvintur li fil-ħajja kienu jitkellmu normali jieħdu attitudni ġdida wara li fit-toroq jidraw kmandi importanti: imxili, ċaqlaqli, waqqaf, tgħaddix minn hawn. Meta ssib ruħek fi struttura ta’ dixxiplina, tittieħed u tibda ssegwiha. Fejn ma tkunx tintreħa bħalma jidher li qed jiġri llum aktar minn dari.

Sintendi jien ma nippreferix sistema ta’ dominanza minn xi ħadd li l-uniku poter li għandu tagħtulu l-istorja, spiss b’ingann, saħħa żejda jew makkakkerija. Imma mhux l-Ingliżi biss kienu jimxu mal-arloġġ. Malta għandna tradizzjoni qadima – sa mill-medjuevu – ta’ reliġjużi jgħixu fil-kunventi fejn ħajtek regolata minn qanpiena, ħinijiet partikulari u dixxiplina ta’ talb, meditazzjoni u ubbidjenza. Meta tpoġġihom flimkien kellna esperjenza twila ta’ sekli fejn kull min jikkmanda fostna kien jew reliġjuż jew suldat. Titgħallem issegwi u tibża’ li tiżbalja jekk ma tagħmilx li jgħidulek. Ikollok bilfors titgħallem tgħid “sorry” għal kull żball li tagħmel. Tant daħlet ġo rasna din l-imbierka “sorry” sforz il-biżgħa, li llum bi żball kbir spiċċajna ngħidu “sorry” anki flok ‘skużi’. U l-kbira hi li kull min jiġi fostna biex jaħdem jew jitgħallem l-Ingliż qed jitgħallem jgħid “sorry” bi żball ukoll. Biżżejjed tkun fuq tal-linja biex tara l-barranin, bħal ħafna Maltin, jgħidulek “sorry” biex twarrab ħa jinżlu.

Dil-mentalità li toqgħod gallerija u tħalli d-dinja għaddejja narawha kullimkien. Il-kwistjoni tal-irziezet tal-ħut hu każ preċiż. Għaddew is-snin, ir-regoli nkisru u baqgħu jabbużaw għax min kien inkarigat jara x’inhu jsir probabbli stennihom jagħmlu xi ħaġa filwaqt li l-ħatja kienu qed jistennew x’reazzjoni se jagħmlu ta’ fuqhom jekk huma ma jagħmlu xejn! Ma ssibx tarf. Spiss nisimgħu min jgħid: ma kontx naf, fejn tobsor, ħeqq tgħid ġiet hekk…u iva… issa naraw!

Effiċjenza

L-efficjenza trid tkun fik. Teżisti kultura f’ċerti pajjiżi ngħidu aħna bħall-Isvizzera fejn anki t-tfal iwaqqfuk jekk titfa’ karta fl-art. Xi snin ilu kont spiss ngħaddi b’kowċ mill-Italja għall-Isvizzera meta nħallu Chiasso fuq il-fruntiera. Kienu jitilgħu suldati u tad-dwana jfehmu lin-nies li kelli miegħi biex jħarsu l-indafa kullimkien. Kienu jarawna fuq pullman bit-targa ta’ Ruma u allura kienu jaħsbuna (u ma tantx kienu jiżbaljaw) li konna Taljani. Illum nistqarr ma nafx għadhomx isibu tarf l-indafa bl-eluf ta’ emigranti u allura b’kultura oħra li gejjin mil-Lvant u l-Afrika.

U din iġġibni nitkellem fuq l-emigranti. Għal bosta minnhom, imsieken, li f’Malta u Għawdex qed jimxu f’toroq bl-asfalt, fejn aħna organizzati ċivilment, ġa progress kbir u għalhekk jistgħu ma jgħinuniex biex jesiġu livelli aħjar. Dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, l-aktar tan-Nord ghax fil-Meditteran borma waħda, ħafna minnhom isibuna nbatu minn apatija u ftit maħmuġin. Ħares lejn bosta postijiet, bankini u termini tal-karozzi tal-linja. Jekk ma jkunx skart, ikun nuqqas ta’ ħasil tal-art. F’pajjiż fejn ma tagħmilx xita, filwaqt li nibżgħu għall-ilma missna naħslu t-toroq kollha ewlenin bl-ilma kuljum. Pariġi nieħu gost nisma’ dak l-ilma ġieri għaddej fil-boulevard u jgelgel lejn ix-xquq miftuħa taħt il-bankina biex jiġbor it-trab u l-weraq fil-ħarifa.

Semmejt l-effiċjenza. Bidla qed isir. Ibda l-ewwel mill-gvern preżenti li għadu għaddej b’ritmu rekord ta’ effiċjenza fejn bosta ħwejjeġ qed isiru, deċiżjonijiet jittieħdu u dati, sa fejn hu possibli jinżammu. Dan ġa pass kbir fuq ċerta apatija li konna naraw fit-tmexxijiet imgħoddija. Sintendi ma tridx tesaġera u tgħaġġel iżżejjed (Mintoff kellu ħabta jagħmilha) għax tispiċċa biex tiddeciedi xi ħaga bla ma tirrifletti biżżejjed fuqha.

Żewġ aħbarijiet pożittivi

U nagħlaq b’żewġ aħbarijiet pożittivi li ħarġu dil-ġimgħa. Waħda li ż-żewġ eks potenzi tad-dinja – l-Istati Uniti u r-Russja – qed jippruvaw jiftehmu fis-Sirja (fl-istil tal-paċi li jafu jżommu gwerriera b’aġendi ambizzjużi). L-oħra li l-Awtorità tal-Ambjent se tappella d-deċiżjoni tat-torri ta’ tas-Sliema. Jalla t-tnejn li huma jaslu jagħtu ġieħ lil-Lvant Nofsani u lilna bħala nazzjon kif ukoll lill-awtoritajiet involuti. Jalla jnaqqsu wkoll l-arroganza (anki jekk min jagħmilha ma jintebaħx li hi arroganza) li għax tiflaħ, tħawwel. Il-progress sabiħ iżda li tgħaddi minn fuq ħaddieħor bla ma tirrispettah – liġi u mhux liġi – hu pjuttost rigress. Tagħna l-Maltin kommunità żgħira, nistgħu naslu niftehmu fuq kollox. Kulma rridu hi ftit umiltà biex naċċettaw li nistgħu niżbaljaw, nistgħu nabbużaw, nifilħu nbiddlu u jmissna nisimgħu lill-oħrajn il-ħin kollu. Is-saħħa finanzjarja, jekk ikollok, faċli turiha; il-qawwa tal-influwenza faċli tħaddimha. Il-qawwa tal-paċi, tal-umiltà u d-dixxiplina (restrain) aktar diffiċli iżda aktar onorevoli. Jekk nkunu lkoll onorevoli mhux biss ir-rappreżentanti tagħna fil-parlament, il-pajjiż jirbaħ.

Ritratt f’ras il-blog: juri bblukkjar ta’ Triq l-Ifran dil-ġimgħa filgħodu. Nibżgħu hafna għall-Belt. Jekk, permess u mhux permess tidħol, issuq u tipparkja b’rispett lejn l-istess belt, lejn ir-residenti u lejn kull min juża t-toroq, ukoll passiġġieri tkun qed tagħmel progress.

Ritratt tal-ġimgħa: nifraħ mal-poplu li s-Sette Giugno sejjer lura f’postu (ma ħambaqtx għalxejn das-seba’ snin!). Jalla ma nsibux min jipparkja quddiemu (anki Hastings ġrat – ara ritratt) u jalla l-misraħ jibda jissejjah Misraħ Malta kif sewwa u xieraq.

screen-shot-2016-09-15-at-07-17-01

Fejn sejjer l-imgħoddi?  Għala nfakkruh?

Stramba din id-domanda. Kif jista’ l-imgħoddi imur x’imkien fil-futur?! Imma hija mistoqsija li jistaqsu dawk li b’xi mod jew ieħor iħossu l-polz ta’ ruħ il-poplu. U fejn tinsab ruħ il-poplu? Tinsab f’dak li l-imgħoddi sawwar f’diversi taqsimiet tal-ħajja tal-bniedem u li xi darba għarrex lil hinn mill-ħtiġijiet essenzjali ta’ kuljum.

Il-bniedem ta’ kull żmien – ukoll dawk li jgħixu fi gżira żgħira bħalna – għandhom bżonnijiet li mingħajrhom ma jgħixux: iridu jqumu għax-xogħol, jaqilgħu l-flus biex jixtru x’jieklu, irabbu lil uliedhom bl-aħjar mod li jistgħu, jorqdu bl-aktar mod san sabiex l-għada jkomplu r-rutina. Jinħtiġilhom ukoll jistrieħu, jiddevertu imqar meta ma kellhomx biex, billi jirrakontaw x’għadda mingħalihom liż-żgħar tagħhom ħalli dawn jitgħallmu jieħdu l-eżempju għall-ħajja aħjar fil-ġejjieni.

Aqra aktar