Abraham Abela | One News - Part 2

Abraham Abela

Notifiki

Mibgħut l-Isptar Monte Karmeli

Michael Emmanuel, li bħalissa għaddejjin proċedura kriminali kontrih hekk kif jinsab akkużat bil-qtil ta’ Maria Lourdes Agius, intbagħat l-Isptar Monte Karmeli.

Dan wara li l-psikologi li eżaminawh ikkonkludew li ma jinsabx f’sensih.

Emmanuel, li għandu sebgħa u għoxrin sena u huwa mill-Kosta tal-Ivorju, jinsab akkużat li qatel lil Agius billi fgaha f’Raħal Ġdid.

Il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, fejn bħalissa qed ikomplu s-smiegħ tal-provi.

Illiberat minn akkużi ta’ falsifikazzjoni

Eks uffiċjal għoli li kien jifforma parti mir-reġim ta’ Gaddafi ġie lliberat minn akkużi ta’ falsifikazzjoni, wara li l-evidenza uriet li hu ma kienx konxju li d-dokumenti ta’ vjaġġar kienu foloz.

Mohammed Ali Hassan Fakrun ta’ tnejn u ħamsin sena minn Benghazi kien se jaqbad titjira minn Malta lejn Istanbul fl-elfejn u tmintax meta l-passaport u l-karta ta’ identifikazzjoni tiegħu, li kellhom timbru tal-Gwatemala, qajmu susspett.

Huwa kien arrestat u tressaq il-Qorti jumejn wara fuq akkużi ta’ falsifikazzjoni u l-użu ta’ dokumenti foloz, filwaqt li ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati.

Minħabba l-awtentiċita tagħhom, il-pulizija kellmet lill-Ambaxxata tal-Gwatemala f’Ruma u ġiet mgħarrfa li d-dokumenti kienu foloz u li n-numru tal-karta tal-identita kien ta’ xi ħaddieħor.

Fakrun insista l-innoċenza tiegħu u spjega kif hu kien kiseb id-dokumenti mingħand mibgħut speċjali tal-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli kkonkludiet li mill-evidenza ppreżentata, minkejja li l-Prosekuzzjoni ppruvat li d-dokumenti kienu foloz, l-intenzjoni kriminali ma kinitx ppruvata.

Jingħata l-ħelsien mill-arrest l-anzjan li wettaq attentat ta’ hold up fiż-Żejtun

Grezzio Piscopo ta’ sitta u sebgħin sena miż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li prova jwettaq hold-up fil-fergħa tal-HSBC fiż-Żejtun stess.

Piscopo kien akkużat ukoll b’attentat ta’ serq aggravat, żamm numru ta’ nies kontra r-rieda tagħhom, kien fil-pussess t’ arma jew imitazzjoni t’ arma tan-nar u kif ukoll li għatta wiċċu fil-pubbliku.

L-avukati Kathleen Calleja Grima u Andrew Cauchi resqu talba għal ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona fid-dawl li numru ta’ xhieda għadhom iridu jixhdu.

Madanakollu, Grima qalet li huma żgur li ma kinux se joġġezzjonaw għal projbizzjoni stretta li biha l-akkużat ma jersaqx viċin il-bank.

Iktar minn hekk, l-avukat innutat li t-tliet itfal tiegħu, li kienu preżenti fl-awla il-Ħamis wara nofsinhar, għandhom prokura biex imorru l-bank huma f’ismu.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ seba mija u ħamsin ewro, garanzija personali ta’ disat elef ewro u ġie ordnat li ma jkellimx lix-xhieda u ma jersaqx viċin il-fergħat ta’ HSBC.

Piscopo se jkun segwit u jingħata l-għajnuna meħtieġa sakemm jinqata l-każ filwaqt li ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.

Probabbiltà ikbar ta’ Brexit mingħajr ftehim

In-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier qal li Brexit bla ftehim jidher iktar possibbli, iżda xorta jista jkun evitat.

Qal li jara tliet alternattivi ‘l quddiem wara li l-membri parlamentari Ingliżi fallew milli jaqblu fuq proposti ta’ Brexit: bla ftehim, estensjoni itwal jew il-ftehim tal-Prim Ministru.

Barnier sostna li qatt ma kienet ix-xewqa jew l-intenzjoni li ma jkunx hemm ftehim, iżda issa l-Unjoni Ewropea tinsab preparata, hekk kif jum wara jum, it-tluq bla ftehim jidher iktar probabli.

Il-Prim Ministru Theresa May qed tħejji ruħha għal ħames sigħat tal-laqgħat mal-kabinett fil-jum tat-Tlieta.

Il-membri parlamentari Ingliżi vvutaw fuq erba alternattivi għal ftehim ta’ May, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kiseb maġġoranza.

Unjoni tad-dwana mal-Unjoni Ewropea ġiet miċħuda bi tliet voti filwaqt li mozzjoni għal referendum kiseb l-iktar voti favur, iżda xorta tilfet.

Ir-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-12 t’ April, iżda jaf jitlob għal estensjoni.

Għat-tielet darba, id-deputati Ingliżi jirrifjutaw il-ftehim ta’ May għal Brexit

Fuq tlieta toqgħod il-borma.

L-istess jista’ jingħad għan-numru ta’ drabi li l-ftehim tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May b’rabta ma’ Brexit ġie rrifjutat mill-Parlament Ingliż.

Dan hekk kif il-Ġimgħa wara nofsinhar, 344 Membru Parlamentari vvota kontra l-ftehim, b’286 oħra jivvutaw favur.

Il-Prim Ministru May qalet li dan ir-riżultat se jkollu konsegwenzi gravi, u issa r-Renju Unit se jkollu jitlaq fit-tnax t’ April.

Dan ifisser li mhux se jkun hemm biżżejjed żmien biex tgħaddi l-leġiżlazzjoni sabiex ikun evitat Brexit mingħajr ftehim.

Ironikament, il-vot tal-Ġimgħa ttieħed fl-istess jum li oriġinarjament ir-Renju Unit kellu joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn appella biex May tirriżenja ssejjaħ elezzjoni ġenerali.

B’reazzjoni għall-vot, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk ħabbar fuq Twitter li fid-dawl tal-aħħar żviluppi, sejjaħ Kunsill Ewropew Straordinarju l-Erbgħa għaxra t’ April.

Summit li se jkun qed isir jumejn biss ‘il bogħod minn meta issa r-Renju Unit se jiltaq mill-Unjoni Ewropea.

Ir-riżultat tal-votazzjoni jfisser li r-Renju Unit tilef l-opportunita biex jassigura estensjoni għall-proċess ta’ Brexit u jitlaq mill-Unjoni Ewropea bi ftehim fit-tnejn u għoxrin ta’ Mejju.

May issa għandha sat-tnax t’April biex tipprova tassigura estensjoni itwal għal proċess ta’ negozjati biex ikun evitat Brexit bla ftehim.

B’maġġoranza ċara fil-House of Commons kontra Brexit bla ftehim, u bil-membri parlamentari se jivvutaw fuq iktar pjani alternattivi fil-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Ingliż qalet li r-Renju Unit se jkollu jsib triq alternattiva ‘il quddiem.

Qalet li kważi hemm ċertezza li din tinvolvi li jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju bħas-27 stat membru l-ieħor.

34 ribelli Konservattivi vvutaw kontra l-Gvern, flimkien mad-Democratic Unionist Party u l-Partit Laburista. Dan filwaqt li ħames membri parlamentari Laburisti vvutaw favur il-ftehim.

Bla Uffiċju Pubbliku għal 15 -il sena

Il-mexxej tal-Oppożizzjoni fil-Veneżwela Juan Guaido se jkun imwaqqaf milli jkollu kariga pubblika għal ħmistax-il sena, il-massimu pemessibbli bil-liġi.

Il-kontrollatur tal-finanzi tal-pajjiż Elvis Amoroso qal li l-sitqarrijiet finanzjarji personali ta’ Guaido kellhom numru ta’ inkonsistenzi.

Guaido, il-kap tal-Assemblea Nazzjonali mmexxija mill-Oppożizzjoni, kien iddikjara lilu nnifsu president temporanju f’Jannar.

Huwa għandu l-appoġġ ta’ iktar minn ħamsin pajjiż, fosthom l-Istati Uniti.

Send this to a friend