Akkużat b’hit and run waqt li kien xurban

Sirjan li tressaq il-Qorti mixli b’hit & run fil-by-pass ta’ Wied il-Għajn, allegatament kien fis-sakra.

Ahmad Abu Hassan ta’ erbgħa u ħamsin sena li għalih ma kintix l-ewwel darba li rifes l-għatba tal-Qorti ġie akkużat li waqt li kien xurban, fil-jum tas-Sibt, tajjar raġel u kelb li kienu fuq il-bankina u baqa’ sejjer.

L-Ispettur Christabel Chetcuti spjegat li Żejtuni ta’ 41 sena kien qed jippassiġa mal-kelb tiegħu, meta għal ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar għaddiet karozza u tajret lil vittma.

Il-kelb miet fuq il-post filwaqt li s-sid indarab gravi.

Il-pulizija wettqet tfittxija fejn ftit tal-ħin wara nstabet il-karozza fi Triq l-Inkurunazzjoni f’Bormla, fejn jgħix is-Sirjan.

Jirriżulta li l-karozza tas-Sirjan kellha fuqha daqqa fuq il-bonnett u l-windscreen imkisser.

F’dan il-każ, il-prosekuzzjoni qed titlob il-protezzjoni għall-vittma u li l-liċenzja tas-sewqan tas-Sirjan tiġi konfiskata.

Il-Qorti tat il-libertà proviżorja lill-akkużat fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

Ta’ QabelLi Jmiss