Il-Pulizija qiegħda żżomm taħt arrest sitt persuni b’rabta mat-tiġrif tad-dar li ħasdet il-ħajja ta’ omm ta’ 54 sena mill-Ħamrun.
Il-Pulizja qalet li s-sitt persuni arrestati huma l-perit tal-proġett Roderick Camillieri u li huwa wkoll imsieħeb fil-proġett, l-Uffiċjal Tekniku tas-Sit Anthony Mangion, żewġ ħaddiema tal-kuntrattur u l-kuntratturi nfushom li tqabbdu jagħmlu x-xogħol mill-iżviluppatur.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun qed tinvestiga jekk l-inċident seħħx fost oħrajn kawża ta’ traskuraġni ta’ dawk li kienu qegħdin jiżviluppaw is-sit biswit id-dar li sfrundat.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qegħdin jitmexxew b’mod parallel flimkien mal-inkjesta maġisterjali.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu dwar dan l-inċidenti it-Tlieta filgħodu, qabel il-laqgħa tal-kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li qed jistenna azzjoni konkreta u immedjata kontra kull min naqas.
“Min naqas irid jerfa’ r-responsabbiltà ħa nkun qed nistenna azzjoni konkreta u immedjata ukoll kontra kull min resaq”
Il-Prim Ministru qal li se jkun attent li l-Pulizija tagħmel xogħolha mingħajr ma tħares lejn uċuħ u tressaq il-qorti lil dawk responsabbli ta’ dak li ġara.
“Jiena se nkun qiegħed attent li l-Korp tal-Pulizija jagħmel xogħlu, jagħmel xogħlu mingħajr ma jħares lejn uċuħ u jressaq il-Qorti lil kull min huwa responsabbli għal dak li ġara.”
Dr Abela appella ukoll sabiex din it-traġedja ma tiġix ippolitiċizzata.