Miram Pace mara ta’ 54 sena u omm ta’ żewġt itfal instabet mejta tard it-Tnejn filgħaxija wara li kmieni waranofsinhar intradmet taħt it-tifrik tad-dar tagħha fil-Ħamrun.
Il-ġisem bla ħajja tal-vittma nstab għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija f’operazzjoni mill-aktar delikata mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u li ħadet mat-tmien sigħat.
Id-diżgrazzja seħħet għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ warafonsinhar fi Triq Joseph Abela Scolaro, fil-Ħamrun. Id-dar tal-familja ġġarrfet kważi għalkollox b’parti mit-tifrik spiċċa f’sit ta’ kostruzzjoni li fil-ħin tal-inċident jidher li kienet qiegħda jiġi skavat minn ħaddiema tal-kuntrattur.
Xhieda fuq il-post qalu lil ONE NEWS li d-dar tal-familja Pace ġġarrfet f’ħakka t’għajn. Minnufih waslu fuq il-post bosta vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanzi mill-Isptar Mater Dei. Il-ġirien għarrfuhom mill-ewwel li fid-dar kienet tgħix Miriam u li f’dak il-ħin setgħet kienet id-dar. Fuq il-post ma damux ma waslu wkoll żewġha u bintha li dehru mbikkma u fuq ix-xwiek jistennew b’aħbarha bit-tama li kienet għadha ħajja.
Iżda t-tama tagħhom li Miriam tinstab ħajja għebet għalkollox għall-ħabta tal-għaxra meta ġew mgħarrfa li nstabet mejta.
F’aġġornament lill-ġurnalisti fuq il-post, il-Kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani kkonferma li l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili llokalizzaw il-katavru ta’ Miriam mirdum qalb it-tifrik ta’ darha għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija u minn hemmhekk bdiet ħidma biex joħroġuha minn qalb it-tifrik. Huwa żied jgħid li l-katavru ta’ Miriam nstab fuq in-naħa tax-xellug tad-dar.
Il-mara ġiet iċċertikata mejta fuq il-post minn tim mediku li baqa’ fuq il-post tul l-operazzjoni u wara ttieħed bil-hearse lejn l-isptar Mater Dei fejn mistennija ssir l-awtopsja fuq il-katavru tagħha.
Intant sorsi qrib l-invesitgazzjonijeit tal-pulizija kkonfermaw ma’ one news li għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija bdiet tkellem diversi persuni fl-Għassa tal-Ħamrun li għandhom x’jaqsmu mas-sit ta’ kostruzzjoni biswit id-dar tal-vittma.
Dwar il-każ għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta. L-invesitgazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
https://www.facebook.com/ONE.com.mt/videos/644518022973121/
http://www.one.com.mt/2020/03/02/jaqa-bini-fsanta-venera-1/