Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li ddikjara li huwa favur il-mekkaniżmu pożittiv li nieda l-Gvern biex tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament.
Fi tweet, Dr Abela qal li qiegħed iħares ‘il quddiem għal dibattitu fil-Parlament li minnu qal li pajjiżna għandu joħroġ aktar magħqud biex iġib bilanċ aħjar bejn in-nisa u l-irġiel fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Fl-aħħar xhur il-Gvern nieda dokument li fih ippropona emendi legali u kostituzzjonali li jippermettu siġġijiet addizzjonali għas-sess sotto-rappreżentat li jkun kiseb anqas minn 40 fil-mija tas-siġġijiet parlamentari f’elezzjoni ġenerali.
Dan il-mekkaniżmu jibda jitħaddem kull meta wieħed mis-sessi jikseb anqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari.
B’dan il-mekkaniżmu jiżdiedu massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali riservat għal kandidati mis-sess sotto-rappreżentat li jkunu kkontestaw l-elezzjoni iżda ma jkunux telgħu bil-proċess eżistenti.
Dan id-dokument tressaq mill-Gvern fid-dawl tal-fatt li Malta għandha t-tielet l-inqas rata ta’ nisa fil-Parlament meta mqabbla ma’ 41 pajjiż ieħor, partikolarment dawk Ewropej u oħrajn viċin.
Pleased that @PNmalta has tonight declared itself in favour of #positive mechanisms which @MaltaGov is implementing for stronger #female representation in Parliament. #Malta🇲🇹will stand for more #gender balance as one united country. Looking forward to debate – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 27, 2020