Erba’ organizzazzjonijiet li jaħdmu flimkien fl-oqsma ta’ rijabilitazzjoni u prevenzjoni mid-droga ngħaqdu flimkien sabiex b’vuċi waħda jelenkaw il-bidliet fil-kultura tad-droga u ż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ persuni li qegħdin jużaw sustanzi illeċiti għal skop rikreattiv.
Id-direttur tal-Caritas Anthony Gatt sostna li l-Caritas, is-Sedqa, il-Fondazzjoni OASI u l-aġenzija tal-psikjatrija se jtellgħu konferenza nazzjonali taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta fl-24 tax-xahar id-dieħel.
Dan bl-isem ta’ ngħix ħajja sana – għażla tagħna, fil-kuntest ta’ mentalità li m’hemm xejn ħażin li tabbuża mid-droga.
“Ħassejna wkoll li ċertu enfasi għandha tkun kif ħa ngħinu lis-soċjetà taħseb u tirrifletti għalfejn in-nies jirrikorru għad-droga u għad-dipendenza u kif ngħinu lit-tfal tagħna u min għandu l-problema kif m’għandux għalfejn imiss mad-droga.”
Gatt semma li fl-aħħar snin ix-xejriet ta’ użu tad-droga nbidlu. Madanakollu, dawk dipendenti fuq sustanza għadhom idumu sabiex jirrikorru għall-għajnuna, fost oħrajn disa’ snin sabiex wieħed isib l-għajnuna dwar il-kokaina.
“Qed naraw żieda fl-użu tal-kokaina u żieda tal-użu tal-kannabis u sfortunatament id-droga sintetika. Min-naħa l-oħra per eżempju f’dak li hija użu tal-eroina hemm element ta’ tnaqqis jew stabbilizzazzjoni jiġifieri qed naraw ħafna inqas każi ġodda.”
Il-konferenza se tittratta wkoll l-aspett legali tad-dipendenza. Bid-direttur Gatt jesprimi l-fehma li minkejja t-tibdil fil-liġi fl-aħħar snin, il-leġislatur għandu jkompli jiftaħ idejn il-ġudikant meta u jekk ikollu vittma tad-droga quddiemu.
“Aħna nħossu li l-maġistrati u l-imħallfin għandhom ikollhom iktar faċilita fil-liġi li jgħarfu meta jiltaqgħu ma’ user quddiemhom ikunu jistgħu jagħrfu u jiddeċiedu huma ħalli dawn in-nies ma jispiċċawx il-ħabs.”
Huwa qal li l-għan tal-konferenza huwa biex jitwassal il-messaġġ biex ħadd ma jitħajjar jagħmel użu mid-droga/