Il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjajru tal-bugdet Ewropew ħadet madwar 28 siegħa, b’diskussjonijiet intensivi li baqgħu għaddejjin mal-lejl u komplew matul il-jum.
F’kummenti lill-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien hemm progress, imma f’dan l-istadju t-taħditiet mhumiex konklussivi.
Jirriżulta li l-punt prinċipali ta’ diverġenza huwa d-daqs tal-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, fejn hemm erba’ pajjiżi li qed jisħqu li għandu jiċkien, u 17 il-pajjiż, fosthom Malta, jgħidu li għandu jkun ikbar minn dak propost mill-President tal-Kunsill Ewropew.
“Kulħadd spjega l-pożizzjoni tiegħu. Aħna qed ngħidu li t-total ta’ dan il-budget m’għandux ikun inqas għaliex hemm oqsma partikolari, bħal politika komuni agrarja u l-fondi ta’ koeżjoni, li huma tant importanti għall-prinċipji li hija mibnija fuqhom l-Unjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru. “Għaldaqstant dawn id-diskussjonijiet issa jridu jkomplu f’summit ieħor, u jien fiduċjuż li eventwalment jintlaħaq ftehim.”
Dan il-budget irid jidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej, u għalhekk fadal żmien biex wieħed ikompli jiddjaloga lejn ftehim sodisfaċenti għal kulħadd.
Intant, Dr Abela rrimarka li f’dan l-ewwel Kunsill Ewropew tiegħu laqtu r-rispett li jgawdi pajjiżna. “Ħassejtni milqugħ tajjeb ħafna, wassalt il-pożizzjoni ta’ Malta u nnegozjajt b’mod sod f’isem pajjiżna. Kommess li nibqa’ naħdem biex pajjiżna jkompli jimxi ‘l quddiem,” temm jgħid il-Prim Ministru.
http://www.one.com.mt/2020/02/21/il-pm-fdiskussjonijiet-informali-mal-mexxejja-tal-friends-of-cohesion-qabel-il-laqgha-specjali-tal-kunsill-ewropew/
http://www.one.com.mt/2020/02/20/jinghalaq-l-ewwel-stadju-tad-diskussjonijiet-issa-tibda-fazi-izjed-intensiva/