L-Awtorità tal-Ippjanar approva il-proġett ta’ Infrastructure Malta biex tibni pont ġdid fi Triq Dom Mintoff, li kienet magħrufa bħala t-Telgħa ta’ Kordin, biex tiffaċilita l-aċċessibilità bejn Kordin, il-Kampus tal-MCAST u Raħal Ġdid, għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi, bir-rota jew jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
Dan il-pont se jkun ta’ benefiċċju għall-familji li jgħixu fiż-żona residenzjali ta’ Kordin għax se jgħaqqad din il-parti mal-qalba ta’ Raħal Ġdid.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi laqa’ d-deċiżjoni tal-awtorità tal-ippjanar u qal li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett li se jiswa miljun u sitt mitt elf ewro se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Huwa żied jispjega li dan il-pont se jservi wkoll bħala rotta eħfef u aktar sigura għall-mixi jew bir-rota minn Ġnien il-Mediterran, l-aktar għall-eluf ta’ studenti li jimxu, jsuqu r-rota jew jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-Iskola Mariam Al Batool li tinsab ftit ‘il fuq fit-telgħa.
Il-pont se jtejjeb ukoll l-aċċess għaż-Żona Industrijali ta’ Kordin, għall-moskea u l-knisja li hemm fl-inħawi. Bħalissa, biex tilħaq dawn il-postijiet bil-mixi, ikollok taqsam minn diversi toroq arterjali, inkluż ħdejn ir-roundabout ta’ Kordin li tinsab ftit metri bogħod.