Fi Brussell qed titlaqqa’ laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fejn il-mexxejja tal-Istati Membri qed jiddiskutu l-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) għall-perjodu 2021-2027.
L-ewwel stadju tat-taħditiet beda b’diskussjoni fil-plenarja fejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea semmew l-aspettattivi partikolari tagħhom. Dak l-istadju issa ngħalaq b’andament pożittiv u issa bdiet il-fażi iktar intensiva fejn, individwalment, il-mexxejja tal-Istati Membri mat-tekniċi tagħhom, se jidħlu f’negozjati bilaterali mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel fuq il-punti li fuqhom qed jaqblu u l-punti fejn m’hemmx qbil mal-proposta li hemm fuq il-mejda bħalissa.
Id-diskjussjonijiet madwar il-mejda se jkomplu għaddejjin u n-negozjati mistennija jieħdu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu u possibilment s’għada u lil hinn. Sa issa l-ewwel indikazzjonijiet juru li huwa diffiċli li jintlaħaq ftehim f’dan l-ewwel summit.
“It-taħditiet se jkomplu sakemm naslu f’sitwazzjoni fejn jew niddeċidu li ma ntlaħaqx ftehim u naġġornaw għal summit ieħor, jew jintlaħaq ftehim u ngħidu li l-kapitlu huwa magħluq. Il-pajjiżi membri se jkomplu jinnegozjaw skont l-aqwa abbilitajiet tagħhom u nimxu ’l quddiem minn hemmhekk”, temm jgħid il-Prim Ministru.