BIR-RITRATTI: Jibdew jitpoġġew l-ewwel żewġ strutturi tal-ħadid għall-pont il-ġdid fi Blata l-Bajda – One News

Notifiki

BIR-RITRATTI: Jibdew jitpoġġew l-ewwel żewġ strutturi tal-ħadid għall-pont il-ġdid fi Blata l-Bajda

Matul illejl li għadda Infrastructure Malta bdiet tpoġġi f’posthom l-ewwel żewġ strutturi tal-ħadid li se jiffurmaw il-gverta ta’ 105 metri tal-pont ġdid għall-mixi u r-roti li qed tibni fi Blata l-Bajda, u li se jgħaqqad il-Ħamrun, il-Marsa u l-Furjana.

Għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, il-kuntratturi tal-aġenzija bdew iġorru dawn l-istrutturi twal 23 metru u jiżnu 16-il tunnellata ‘l waħda, minn ġo maħżen fejn kienet il-Malta Shipbuilding fil-Marsa lejn is-sit tal-proġett. Ix-xogħol baqa’ għaddej mal-lejl u qed ikompli dalgħodu sakemm l-istrutturi jkunu mwaħħlin b’mod sigur f’posthom fuq il-pilastri tal-konkos ta’ dan il-pont. Sakemm jitlestew ix-xogħlijiet ingħalqet il-karreġġjata tan-nofsinhar fi Triq San Ġorġ Preca (li tgħaqqad flimkien Triq Nazzjonali, fil-Furjana u Triq Diċembru 13, il-Marsa). Din it-triq terġa’ tinfetaħ sa nofsinhar illum (is-Sibt). It-tliet partijiet l-oħra tal-gverta li se jiffurmaw din l-istruttura se jittieħdu fil-post f’ħidma simili mallejl fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan il-pont ġdid tal-ħadid b’disinn ġej għat-tond se jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca, ħdejn il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM, biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. B’hekk,  se jinħoloq mod aktar sigur biex taqsam bil-mixi jew bir-rota minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa. Il-pont se joħloq ukoll aċċess dirett għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja (Blata l-Bajda 1, 2, 3, 4 and 5) li hemm fuq kull naħa ta’ dawn it-toroq arterjali traffikużi, u jagħmilha aktar faċli għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja biex jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiż.

L-istruttura se jkollha rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu min-naħa ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa jew bil-kontra. Il-pont ġie ddisinjat b’mod li jkollu impatt mill-inqas fuq il-pajsaġġ tal-inħawi. Se jsirulu wkoll liftijiet u turġien biex żgur ikun hemm aċċess komdu għal kulħadd.

Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew jaħdmu l-gverta tal-ħadid ta’ dan il-pont matul it-tieni nofs tas-sena l-oħra. Fl-istess waqt, fuq is-sit tal-proġett bdew ukoll ix-xogħlijiet biex 21 pilastru tal-konkos u l-azzar jitniżżlu diversi sulari taħt l-art bħala pedamenti għall-istruttura tal-pont. Fl-aħħar ftit xhur inbnew ukoll partijiet oħrajn mill-istruttura li jinkludu ir-rampi, turġien u l-kmamar tal-liftijiet.

Il-pont ta’ Blata l-Bajda huwa investiment ta’ madwar €2 miljun biex jinħolqu spazji aktar siguri għal modi alternattivi ta’ vjaġġar, u jista’ jkun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Aktar kmieni din is-sena Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet biex timmodernizza s-subway ta’ ħdejn Bieb il-Bombi fil-Furjana, ftit biss bogħod minn fejn qed isir il-pont ġdid ta’ Blata l-Bajda, biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-aċċess bejn l-erba’ waqfiet għall-karozzi tal-linja li hemm f’din iż-żona u li huma fost l-aktar importanti fis-sistema tat-trasport pubbliku f’Malta.

Bħalissa qed jinbena wkoll pont ieħor għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni, bejn il-Gudja u Ħal Luqa. Dan il-pont se jagħmilha aktar faċli għal dawk li jivvjaġġaw minn u lejn dawn il-lokalitajiet, kemm jekk bil-mixi jew bir-rota kif ukoll għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku, fosthom dawk li jkunu sejrin lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi. Infrastructure Malta qed tiffinalizza wkoll pjanijiet għal pont simili li se jsir fi Triq Dom Mintoff, biex toħloq rotta aktar sigura għal dawk li jimxu u jivvjaġġaw bir-rota bejn il-kampus prinċipali tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), iż-żoni residenzjali u industrijali f’Kordin u l-qalba ta’ Raħal Ġdid.

Faċilitajiet oħrajn ġodda biex iħajru iżjed l-ivvjaġġar bil-mixi, b’tal-linja u r-rota qegħdin isiru wkoll bħala parti minn proġetti kbar li qed tagħmel Infrastructure Malta f’toroq arterjali oħrajn, fosthom is-Central Link Project bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, il-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, il-proġett tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija,  u l-Marsa Junction Project, bejn Raħal Ġdid u l-Marsa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend