Sab postu f’ambjent ta’ tagħlim addattat għalih – One News

Notifiki

Sab postu f’ambjent ta’ tagħlim addattat għalih

Ħafna aktar għal qalbi u ma jonqosni xejn f’din l-iskola.

Hekk iddeskriva l-esperjenza edukattiva tiegħu fl-iskola vokazzjonali ta’ Raħal Ġdid, iż-żagħżugħ mimli għatx għat-tagħlim, Ishmael Xerri.

Sentejn ilu Ishmael, ħa deċiżjoni kemmxejn diffiċli.

Dam ħafna jtella’ u jniżżel iżda fl-aħħar iddeċieda li jitlaq mill-iskola sekondarja fejn kellu ħafna suġġetti akkademiċi u mar għal skola fejn tagħtih iċ-ċans jimrah fuq ix-xogħol tal-idejn.

Huwa stqarr li “Minn dejjem kien jogħoġobni x-xogħol tal-idejn u ridt nistudjah imqar għal sentejn biex meta nikber inkun naf x’irrid verament.”

Ma għaddiex wisq żmien mindu rifes l-għatba tal-iskola li toffri programm ta’ tagħlim alternattiv.

Dlonk induna li ħa d-deċiżjoni t-tajba. Huwa tenna: “Inħossni ħafna aktar għal qalbi. Preferjet niġi hawnhekk milli nagħmel dak li ma tixtieqx qalbi u ma jonqosni xejn aktar.”

Dan iż-żagħżugħ iltqajna miegħu waqt żjara tal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici li saħaq fuq il-fatt li mhux kulħadd maħluq l-istess u t-tfal jistgħu jilħqu l-milja ta’ ħajjithom b’tagħlim differenti.

Il-Ministru Bonnici sostna: “Din hija skola li toffri tagħlim applikat f’suġġetti bħas-snajja’ lil ħafna żgħażagħ li meta titkellem magħhom jgħidulek kemm qed jieħdu gost u kemm hi differenti din l-iskola minn skejjel oħra. Aħna kommessi biex inkomplu nkabbru u ninvestu fiha biex nagħmlu ġid mhux biss liż-żgħażagħ tagħna imma anke lill-industrija.”

Fuq kollox spikka l-messaġġ tal-aħħar ta’ Ishmael li jista’ jkun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Ismahel appella: “Qatt ma jaqtgħu qalbhom. Jaraw xi jridu u jekk iħossuhomx komdi jagħmlu dawk l-affarijiet u s-suġġett li se jagħżlu, u ovvjament li jkomplu jistudjaw u jistinkaw biex ‘il quddiem jilħqu dak li jridu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend