Il-Korp tal-Pulizija jissospendi 25 pulizija tat-traffiku u 7 jirriżenjaw – One News

Notifiki

Il-Korp tal-Pulizija jissospendi 25 pulizija tat-traffiku u 7 jirriżenjaw


Il-Pulizija ssospendiet 25 pulizija tat-traffiku waqt li sebgħa oħra rriżenjaw mill-Korp b’rabta mal-allegat abbuż mill-extra duty li tingħata lil terzi bi ħlas waqt li l-pulizija jkunu bil-frank.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li fl-aħħar sigħat telgħu għal 41 ruħ il-persuni arrestati, b’31 minnhom jingħataw il-police bail.

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Ministru Michael Farrugia li kien responsbbli politikament mill-Korp tal-Pulizija, iddikjara li huwa ħa azzjoni mill-ewwel sekonda li ġie mgħarraf bil-każ minn whistleblower.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Meta irċevejna l-ewwel indikazzjoni ta’ x’kien qiegħed jigri u jien fil-fatt irċevejt ittra, jien kont infurmajt mill-ewwel lill-Permanent Secretary u wkoll informajt lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibdew il-proceduri ta’ investigazzjonijiet fuq l-akkużi li kien hemm.”

Sostna li kull akkuża li kien hemm dejjem ħadha bis-serjetà.

Qal li ħafna mis-sahra kienet ġusta minħabba x-xogħol li kienet qed tintalab tagħmel il-pulizija fit-toroq.

Semma kif fil-fatt din wasslet għal tnaqqis fir-rata tal-kriminalità. Semma li minn sena għal sena kienet issir evalwazzoni tas-sahra. Il-Ministru tenna: “Jekk kien hemm xi persuni li kienu qed jgħattu l-overtime li kien qed jingħata u ma kienx qed jinħadem sta għal min kien qiegħed jiffirma u jawtoriżża dak l-overtime li kien qed isir, li jrid jerfa’ r-responsabbiltà.”

Semma li parti mill-investigazzjoni kellha l-għan li tistabbilixxi l-fatti kollha. L-Onor. Farrugia spjega: “L-ewwel, min kien qiegħed jabbuża, two min kien qiegħed jawtorizza, three, min kien jaf x’kien qiegħed jiġri u ma kienx ma ħax il-passi mal-ewwel biex iwaqqafhom. Dak huwa parti mill-investigazzjoni li kienet għaddejja bejn Diċembru u ftit jiem ilu sakemm bdew jintbagħatu għalihom il-membri li kienu indikati li kienu qegħdin jabbużaw.”

Qal li r-responsabbiltà politika tintrefa’ meta tkun taf x’inhu għaddej u ma tieħux passi, mhux meta tittieħed azzjoni immedjata: “Li kieku ma sar xejn meta wieħed ħarġet l-informazzjoni kont nerfagħha jien kieku. Jiena li ħadt azzjoni mill-mument, mill-ewwel sekonda kif irċivejt l-ittra, ir-responsabbiltà jerfagħha min kien qed jikser il-liġi, min awtorizza biex tinkiser il-liġi.”

Il-Ministru Farrugia tenna li din l-investigazzjoni hija turija ċara ta’ hemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu. Huwa qal: “Għandna l-istituzzjonijiet li xorta qed jagħtu r-riżultati fejn b’mod apertament Pulizija qed jinvestigaw pulizija fuq allegatament abbużi li kienu qegħdin isiru u dak turi li l-istituzzjonijiet lokali minkejja d-diversi swaba’ li jiġu indirizzati lejhom li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu.”

Dr Farrugia fakkar kif għal 13-il sena sħaħ, il-Pulizija qatt ma kienu tħallsu għas-sahra li għamlu. Fakkar li kellu jkun Gvern Laburista li fl-aħħar erba’ snin ħallas mat-€8 miljun f’kumpens għal din l-inġustizzja.

Il-Ministru Farrugia temm jgħid: “Il-Pulizija għal snin twal taħt amministrazzjoni Nazzjonalista kienu jagħmlu l-overtime u qatt ma tħallsu għal 13-il sena sħaħ u dan il-Gvern ta kumpens għal dak l-overtime li taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, il-Pulizija ma tħallsux u fuq temp ta’ 4 snin il-Pulizija li ma tħallsux overtime taħt amministrazzjoni Nazzjonalista ħa jkunu ħadu €8 miljun kumpens talli Gvern Nazzjonalista ma ħallashomx għax dak ukoll huwa serq.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend