“Tqum u ssib dan! Xi ħaġa żgħira imma tapprezza li hemm xi ħadd jaħseb fik”. Din kienet ir-reazzjoni ta’ missier ta’ familja li dalgħodu kien fost tal-ewwel li fil-letter box sab iċ-ċekk tal-bonus addizzjonali li ħabbar li se jagħti l-Gvern fil-Budget għal din is-sena.
Dan b’nefqa ta’ aktar minn €5 miljun li jmorru fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Il-bonus ta’ darba ngħata biex jagħmel tajjeb għal xi żidiet li ma ġewx ikkalkolati fil-mekkaniżmu tal-COLA.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar ilbieraħ li kull familja b’persuna waħda se tirċievi ċekk ta’ 15-il ewro, filwaqt li familji b’aktar minn persuna waħda se jirċievu ċekk ta’ 35 ewro.
Il-Prof. Scicluna qal li l-Anzjani li jgħixu waħedhom se jingħataw 15-il ewro, u dawk li huma fil-kumpanija ta’ xi ħaddieħor se jieħdu 35 ewro. Dan iċ-ċekk huwa apparti ż-żieda ta’ 7 ewro fil-ġimgħa fil-pensjonijiet.