ARA: Mill-Ħadd jibda x-xogħol biex jissewwa l-interconnector li spiċċa f’biċċtejn – One News

ARA: Mill-Ħadd jibda x-xogħol biex jissewwa l-interconnector li spiċċa f’biċċtejn


Fl-aħħar jiem il-kumpanija Enemalta ffirmat ftehim għat-tiswija tal-Interconnector. Huwa stmat li t-tiswijiet jammontaw għal €11-il miljun. Iżda dan mhux se jkum qed iħallas għalihom il-Gvern Malti.

Il-kumpanija Enemalta ffirmat kuntratt mal-kumpanija Norveġiża Nexans li kienet responsabbli mill-proġett tal-interconnector biex issewwi l-ħsara kbira li saritilu fit-23 ta’ Diċembru li għadda meta spiċċa f’biċċtejn.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Enerġija Michael Farrugia ħabbar li t-tiswija se tiswa mal-11-il miljun ewro u mistennija titlesta fit-tielet ġimgħa ta’ Marzu. Qal li l-ispiża se tinġarr kollha kemm hi mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-Enemalta u tal-vapur li għamel il-ħsara.

Filmat miġbud waqt stħarriġ li sar fl-aħħar ġimgħat, ipprovda evidenza konkreta li l-ħsara kienet ikkawżata minn ankra ta’ vapur li tkaxkret f’qiegħ il-baħar f’fond ta’ mija u ħamsin metru.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella spjega ma’ ONE News li l-interconnector tqaċċat kompletament. Huwa spjega: “It-tiswija ħa tkun qed issir minn Nexans. Nexans huma l-kumpanija li oriġinarjament immanifatturat, issuplixxiet u installat l-interconnector cable.”

Is-Sur Vella qal li l-operazzjoni se tibda l-Ħadd li ġej wara li l-Ġimgħa filgħodu daħal fil-Port ta’ Marsaxlokk il-bastiment tat-tiswija li għabba cable b’tul ta’ żewġ kilometri li se jiġġannat miż-żewġ naħat.

Huwa kompla jfisser: “Ittella’ l-cable maqtugħ li huwa maqtugħ right through. Ittella’ naħa jiddentifika l-ħsara sa fejn imxiet. Kif tiġi iddentifikata l-extent tal-ħsara jiġġannat il-cable spare li ħa jkun inġabar qabel minn Malta mbagħad il-proċess jirrepeti ruħu fuq in-naħa l-oħra tal-cable li hemm maqtugħa.”

Il-proċess jissokta bi tqegħid mill-ġdid tal-interconnector fi trinka għolja metru u nofs.

Il-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia ta ħajr lill-Enemalta għall-ħidma kruċjali li wettqet fl-aħħar ġimgħat. Qal li dan il-progress setà jsir għax l-Enemalta kienet imħejjija għal kull eventwalità.

Sostna wkoll kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni tal-gvern li jmur għal sorsi differenti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Malta u nnota kif bħlaissa l-provvista tal-elettriku qed tiddependi għalkollox fuq il-power stations ta’ Dellimara għax fin-nuqqas tal-interconnector, il-pajjiż m’għadux magħqud mal-grid Ewropew.

Il-Ministru Farrugia sostna: “Il-Gvern se jkun impenjat li nżidu s-supply minn enerġija alternattiva ħalli ġewwa pajjiżna jiġri x’jiġri, inċident kwalunkwe post jista’ jiġri, li s-supply ta’ pajjiżna tibqa’ konsistenti skond id-domanda li jkun hemm.”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend