Pitturi ta’ Filippo Venuti għall-wiri f’Għawdex wara li ġew restawrati – One News

Pitturi ta’ Filippo Venuti għall-wiri f’Għawdex wara li ġew restawrati

Fil-mużew Il-Ħaġar fir-Rabat Għawdex bħalissa qed tittella’ wirja temporanja ta’ pitturi ta’ Filippo Venuti li għex fil-Gżejjer Maltin għal disa’ snin bejn l-1894 u l-1903. Il-Wirja tiffoka fuq erba’ pitturi 
tal-erba’ Evanġelisti u fuq l-abbozz tal-pittura tal-koppla tal-Bażilika ta’ San Ġorġ tar-Rabat Għawdex. 

Il-ħames xogħlijiet ta’ Filippo Venuti qed jiġu restawrati mill-konservatriċi Taljana, Sara Mattioli u l-proġett qed isib l-għajnuna finanzjarja tal-Bank of Valletta. Kull min iżur il-mużew Il-Ħaġar biswit il-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex sa nhar l-Erbgħa 19 ta’ Frar, jista’ jsir jaf iżjed mill-qrib lill-artist Filippo Venuti, il-ħajja tiegħu, ix-xogħlijiet numerużi li nsibu madwar Malta u Għawdex u r-rabtiet tiegħu ma’ gżiritna tul il-perjodu li għamel jgħix f’Malta. 
Waqt il-ftuħ tal-wirja, mtella’ mill-Fondazzjoni Belt Victoria, il-Kap Eżekuttiv fit-Taqsima tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta, Charles Azzopardi tkellem dwar l-impenn tal-Bank li dejjem għaraf l-importanza ta’ proġetti simili. Proġetti li bis-saħħa tagħhom, xogħlijiet tal-arti daqstant prezzjużi qed jgħaddu għand il-ġenerazzjonijiet futuri fi stat aħjar minn dak li sibnihom. 
Il-ħames pitturi qed jiġu restawrati f’laboratorju apposta fl-istess mużew, bil-proċess jinkludi t-tindif u t-tneħħija ta’ diversi saffi ta’ verniċ qadim minn fuq it-tila. Wara jsir il-konsolidament u 
l-konservazzjoni tas-saff taż-żebgħa oriġinali qabel jiġi applikat mill-ġdid l-ewwel saff ta’ verniċ, jiġu integrati s-saffi tal-pittura u ssir l-aħħar applikazzjoni ta’ verniċ. 
Il-proċess ta’ restawr jinkludi wkoll dokumentazzjoni fotografika qabel, waqt u wara r-restawr ta’ kull biċċa minn dawn il-ħames xogħlijiet li qed jiġu restawrati. L-esibizzjoni hija miftuħa mit-Tnejn 
sal-Ħadd mid-9am sal-5pm sa nhar l-Erbgħa 19 ta’ Frar 2020. 
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend