Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo akkuża lid-deputati Nazzjonalisti mill-fazzjoni tal-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li mis-suppervja li kellhom meta kienu fil-Gvern issa marru għall-mibegħda.
Vassallo stqarr f’dan f’kitba fil-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista li fiha qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej minn gwerra ċivili. Dan wara li għadd ta’ deputati Nazzjonalista reġgħu sejħu lil Adrian Delia biex iwarrab minn Kap tal-Partit.
Id-deputat Nazzjonalista magħruf għall-appoġġ li dejjem ta lil Adrian Delia qal li jekk mhux se jkun hemm rieda għall-għaqda, mhux se jkun hemm soluzzjoni għall-egoiżmu. Fid-dawl tas-sejħa li qed issir biex Delia jwarrab minn Kap tal-Partit, Vassallo sostna li l-istatut tal-Partit hu suprem, ikun min ikun il-kap tal-partit/ Huwa akkużahom li b’fommhom jgħidu li jemmnu fis-sewwa imbagħad qegħdin jitbiegħdu minnha.
Sostna li l-gwerra ċivili li hemm fil-Partit Nazzjonalista tista’ tasal fi tmiemha meta ż-żewġ naħat ta’ kontra xulxin jieħdu d-deċiżjoni li jieqfu. Qal li dan il-konflitt fil-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jiġi fi tmiemu għax niżżel lill-Partit Nazzjonalista fl-aktar qiegħ ta’ umiljazzjoni quddiem il-poplu.
Edwin Vassallo qal li dan il-qiegħ li sabu ruħhom fih bħala partit huwa kaġun ta’ suppervja u li minnha issa marru għall-mibegħda. Qal li s-suppervja ta’ dawn in-nies fil-Partit Nazzjonalista wasslet biex dawn jibdew jaraw lilhom infushom fil-pożizzjoni superjuri u kulħadd hu inferjuri.
Huwa akkużahom ukoll li b’dan is-sens ta’ superjorità qegħdin ikissru partit/ Żied li f’dan il-mument dawn id-deputati li jaħsbu li huma superjuri għal ta’ madwarhom, jindunaw bl-umiltà biss jistgħu jinżlu għand in-nies wara li jammettu li huma wkoll żbaljaw.