Huwa importanti li l-ġenituri jikkomunikaw mat-tfal biex nassiguraw li jkunu qed jużaw l-internet b’mod sigur.
Saħqet dwar dan, Suzanne Garcia Imbernon, uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fil-programm ONE Breakfast hekk kif madwar id-dinja kompliet titqajjem kuxjenza dwar l-użu tat-teknoloġija b’mod sigur.
Hija fissret: “U ħafna drabi jgħidulna imma kif għedt inti, huma t-tfal jafu jużaw it-teknoloġija aħjar minna pero dik m’għandiex tħallina ninkwetaw u ma nindirizzawx is-sitwazzjoni. Huwa importanti li nikkomunikaw mat-tfal, ngħallmuhom jużawh tajjeb. Aħna nemmnu li mhux biżżejjed li tara x’inhuma jagħmlu imma titkellem magħhom.”
Suzanne Garcia Imbernon saħqet li l-internet joffri bosta opportunitajiet għat-tfal iżda saħqet li hemm perikli wkoll.
Hija qalet li l-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal huwa parti mill-kampanja BeSmartOnline u l-helpline 179 joffri t’għajnuna biex it-tfal ikollhom esperjenzi pożittivi online.
Suzanne Garcia Imbernon qalet li ta’ kuljum tidħol xi telefonata fuq l-użu tal-internet b’mod sigur.
Qalet li l-biċċa l-kbira t-telefonati jkunu dwar għarfien iżda saħqet li xi daqqiet ikun hemm min għadda minn esperjenza qarsa fuq l-internet u jkun jeħtieġ l-għajnuna.