Diodato huwa r-rebbieħ tas-sebgħin edizzjoni tal-festival tant popolari Taljan, Sanremo.
Huwa rebaħ permezz tal-kanzunetta ‘Fai rumore’.
Fl-aħħar nett, l-isfida kienet bejn Diodato u Francesco Gabbani, li kien diġà rebaħ il-festival tliet snin ilu.
Ir-riżultat wasal wara l-vot tal-pubbliku, dak tal-ġurnalisti u ta’ ġurija apposta.
Wara li Diodato rebaħ Sanremo, fiċ-ċentru għall-ġurnalisti magħrufa mat-Taljani bħala ‘Sala Stampa, Lucio Dalla’, Diodato aċċetta wkoll li jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest li se jsir f’Rotterdam.
Tul l-aħħar jiem, f’Sanremo spikkat l-eleganza, il-kontroversji ma naqsux u ismijiet kbar ta’ artisti li telgħu fuq il-palk fit-teatru Ariston.
Fuq kollox spikkat l-interpretazzjoni impekkabbli ta’ Diodato li b’emozzjoni kbira kanta l-kanzunetta li rebħitu, Sanremo.