Robert Arrigo ħabbar li se jirriżenja minn Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’kummenti quddiem id-Dar Ċentrali, Arrigo qal li rriżenja wara li ġiet illeakjata ittra ta’ Therese Comodini Cachia, li sejħet għar-riżenja tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
“Ir-raġuni li jien nisħaq hija li l-Grupp Parlamentari kollu jrid jirrikonoxxi r-responsabbiltà.”
F’ittra li bagħat lill-grupp parlamentari Nazzjonalista, Arrigo qal li kull struttura tal-partit tinsab ikkontaminata.
Fl-ittra tiegħu, Arrigo attakka l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u qal li l-Kap Adrian Delia kellu tsunami kontrih.
Le, le, le mhux kwistoni ta’ Adrian Delia. Kulħadd iffukat fuq Adrian Delia mhux kwistjoni ta’ Adrian Delia. Hija kwistjoni li l-Parliamentary Group ma jistax jibqa’ jaħdem hemmek.
Arrigo kiteb, “Il-grupp parlamentari għamel ħajjet kulħadd miżerja bil-għan li jkissru aktar milli joħolqu xi ħaġa. Fl-aħħar mill-aħħar kissru l-partit tagħna”.
Huwa kompla juri l-uġigħ u l-għadab tiegħu għall-fazzjoni ta’ Busuttil u fisser dawn l-aħħar tletin xahar bħala diżastrużi.
Arrigo li qal li se jibqa’ fil-kariga sal-Kunsill Ġenerali u l-maratona ġbir ta’ fondi li jmiss, ddikjara li wara li jirriżenja ma jixtieqx jibqa’ jkun kelliem għal xi qasam f’isem l-Oppożizzjoni.
Fl-ittra mimlija akkużi diretti lejn id-deputati tal-fazzjoni ta’ Busuttil, Arrigo qal, “Komplu bbojkottjaw l-attivitajiet ħalli jgħaġġel il-proċess tal-impossibiltà li jinqered il-partit.”
“Il-gurus jistgħu jiġu għax għandhom it-talent u mhux medjokri kif qalilna Claudio Grech”, saħaq Arrigo li f’battuta oħra attakka lid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech u semmih bħala l-persuna li pponta biex jieħu post Delia.
Arrigo kiteb ukoll li issa l-mibegħda hija tassew fil-Partit Nazzjonalista.
Dwar il-qagħda finanzjarja fil-Partit Nazzjonalista, Arrigo kiteb li meta daħal fil-kariga, kellu jħallas għall-irħam li ordna l-eks Segretarju Ġenerali Joe Saliba. Dan għax kienu għadu ma tħallas. L-istess qal dwar il-liċenzji tax-xandir li kienu ilhom ħames snin ma jitħallsu.
Huwa żvela wkoll li l-Partit Nazzjonalista lanqas ma ħallas il-kontijiet tal-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tmienja.
“Ħudu l-partit f’idejkom u għamluh jaħdem. Faċli tagħmluha”, qal Arrigo b’mod sarkastiku lil ta’ Busuttil.
F’messaġġ ieħor li kompla juri l-qasma fonda fil-Partit Nazzjonalista, Arrigo għalaq l-ittra billi qal, “Iċċempluliex”.