Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-proġett Interreg Italia-Malta fir-Ramla l-Ħamra li se jgħin biex il-bajja tiġi mmaniġġjata bl-aħjar mod possibbli u dan ir-ramel partikolari ma jintilifx.
Il-Ministru qal li €235,000 huma allokati lill-Ministeru għal Ghawdex minn dan il-proġett ta’ €2.1 miljun li jiffoka fuq bajjiet ramlin f’Għawdex, f’Malta, u fi Sqallija magħrufa bħala pocket beaches, bajjiet ramlin li huma protetti bejn żewġ promontorji ta’ blat.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li iktar minn nofs l-ekonomija ta’ Għawdex tiddependi mit-turiżmu u għalhekk jeħtieġ li nieħdu ħsieb dak kollu li jifforma parti mill-prodott turistiku tal-gżira. Huwa wera sodisfazzjon li permezz ta’ dan il-proġett se naraw kif l-aħjar għandna nintervjenu f’bajjiet daqstant delikati li huma wkoll elementi importantissimi għall-ekonomija tagħna.
Il-Ministru Camilleri qal li “il-Ministeru għal Għawdex jiżgura li r-Ramla l-Ħamra tkun fl-aħjar stat possibbli għall-benefiċċju ta’ min iżurha. Imma għandna bżonn nassiguraw li l-azzjonijiet tagħna huma sostenibbli u li bihom inkunu qed niżguraw li fil-futur ir-ramel f’din il-bajja ma jonqosx, u li r-ramel li jeżisti llum, jibqa’ fil-post u ma jintilifx.”
Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li jittama wkoll li dan il-proġett jibda jgħina niksbu ħjiel dwar kif nistgħu nivvalorizzaw aħjar il-wirt storiku li nsibu wkoll fir-Ramla.
Ir-Ramla l-Ħamra hija bajja mimlija storja patrimonju kulturali u naturali uniku, veduti mill-isbaħ, u fuq kollox ir-ramel aħmar karatteristiku tagħha li jagħmilha tant magħrufa.
L-element tat-tibdil fil-klima u d-danni li dan jista’ jġib miegħu jagħmel dan ħafna iktar importanti u urġenti. Sabiex inkomplu nagħmlu dak li diġà qed isir tajjeb, nibdlu prattiċi li jistgħu jkunu dubjużi, u jkollna pjan xjentifiku fit-tul għall-immaniġġjar ta’ din il-bajja u bajjiet ramlin oħrajn bħalha hemm bżonn ix-xjenza u l-għarfien ta’ esperti.
Fir-Ramla, b’mod partikolari, se jitqiegħdu strumenti fir-ramel biex jitkejjel il-kobor u s-saħħa tal-mewġ, il-frekwenza tal-maltemp, u hekk nippruvaw insibu mod kif nikkalkulaw kif it-temp jaffettwa lill-bajja. Din l-informazzjoni, flimkien ma’ għadd ta’ focus groups ma’ stakeholders, policy makers u operaturi, u analiżi ta’ informazzjoni storika se jintużaw biex jiġi mfassal pjan sostenibbli għall-ġestjoni ta dawn il-pocket beaches.