Għadd ta’ deputati Nazzjonalisti li rari kienu qegħdin jidħlu għax-xogħol ma’ entitajiet governattivi ntalbu jibdew jirrapportaw għax-xogħol kuljum jew ma jitħallsux.
Rapport ippubblikat fil-ħarġa ta’ The Times tat-Tnejn filgħodu żvela li għadd ta’ deputati Nazzjonalista impjegati ma’ entitajiet governattivi iżda ftit li xejn kienu qegħdin jidħlu għax-xogħol, ġew identifikati mill-gvern u ntalbu jagħtu spjegazzjoni ta’ għemilhom
Uffiċjal fiċ-Ċivil ġie kkwotat jgħid li din kienet id-direzzjoni politika li ngħatat mill-Uffiċċju tal-Prim Minisitru biex jindirizza kwistjoni li ilha ttul is-snin fejn deputati li għandhom impjieg mal-Gvern jew entitajiet tiegħu kienu qegħdin jieħdu salarju tajjeb bla ma qatt jersqu fuq il-post tax-xogħol.
Il-gazzetta qalet li fost dawn id-deputati hemm Kristy Debono li l-ġimgħa l-oħra ntalbet tibda tirrapporta għax-xogħol fl-Awtorità Maltija għal-Logħob wara snin ta’ attendenza irregolari.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità kkonferma li Debono ntalbet tirrapporta għax-xogħol b’mod regolari. Hija għandha salarju ta’ madwar tnejn u tletin elf ewro fis-sena/
Il-gazzetta qalet li tkellmet ukoll ma’ bosta deputati oħrajn li qalu li għandhom arranġament flessibbli biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri parlamentari tagħhom. Ffosthom il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius li għandu impjieg mal-Freeport Corporation u deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li jaħdem fid-direttorat għall-ħarsien tal-annimali. Deputati oħrajn b’impjieg mal-gvern huma Herman Schiavone, Ivan Bartolo, Toni Bezzina u Ryan Callus.
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li l-Kap Nazzjonalista li jitkellem ħafna dwar is-saltna tad-dritt, il-meritokrażija u l-użu għaqli tal-fondi pubbliċi, ma kellux bżonn stejjer fil-gazzetti sabiex ifakkar lid-Deputit tiegħu sabiex ‘they walk their talk’ u jidħlu għax-xogħol bħalma jagħmel kull ħaddiem ieħor f’pajjiżna biex jaqla’ l-paga ta’ kuljum.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-ipokresija grassa li sfortunatament huwa mdawwar biha l-Partit Nazzjonalista mhux f’dan ir-rigward biss iżda anke f’ċirkustanzi oħra jikxef kif sal-lum, l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista għadhom jaħsbu li huma tal-holier than thou.
Qal li mhux ta’ b’xejn li l-poplu Malti u Għawdxi mhux qed jagħti kas lill-Oppożizzjoni.
Il-Partit Laburista temm jgħid li jekk verament xi darba qed jaspiraw li jibdew jitwemmnu, għandhom tal-inqas jibdew jemmnu lil kliemhom stess.