Wara ġimgħat ta’ ħidma, tlestew ix-xogħlijiet fuq il-foss ta’ San Ġakbu li ta’ kuljum jara influss kbir ta’ nies biex jistkennu sakemm jirkbu l-karozza tal-linja.
Dan il-proġett sar realtà permezz ta’ investiment ta’ erba’ mitt elf ewro u se jipprovdi kenn permanenti permezz ta’ madwar tletin shelter.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg stqarr li huwa d-dover tal-Gvern li joffri servizz adekwat għall-passiġġieri.
“Meta aħna ngħidu li rridu aktar nies jużaw it-trasport pubbliku rridu allura wkoll nagħmlu l-parti tagħna bħala Gvern, bħala awtorità u bħala Transport Malta sabiex ninvestu f’infrastruttura aħjar ħalli min qiegħed iħalli l-karozza d-dar u jivjaġġa b’tal-linja, isib servizz li jkun effiċjenti u komdu. U għaldaqstant komplejna ninvestu ġewwa l-foss billi anke għamilna shelters sabiex jagħtu l-kenn, kemm mix-xita, kemm mix-xemx fl-istaġuni differenti matul is-sena, lil min jivjaġġa.” Stqarr il-Ministru Borg.
Dan huwa ħolqa minn kullana ta’ proġġeti fl-inħawi tal-Belt kapitali. Fl-inħawi ta’ Bieb il-Bombi ser tinbena subway ġdida li ser tkun aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li toffri aktar sigurtà għal dawk li jivjaġġaw bit-trasport pubbliku.