Mara ta’ erbgħa u tletin sena minn Ħal Safi qed tiġġieled għal ħajjitha fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei wara li qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’rasha waqt argument mal-eks sieħeb tagħha fi stabbiliment f’Ħaż-Żabbar.
Il-każ seħħ il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja u kwart, meta persuni rrappurtaw fl-Għassa tal-Pulizija li fuq il-bankina fi Triq il-Kbira quddiem il-każin tas-St. Patrick’s, kien hemm mara mitlufa minn sensiha li x’aktarx qalgħet daqqiet ta’ sikkina.
Kien fil-fatt hemmhekk li l-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, sabu lil omm ta’ żewġt itfal f’għadira demm u mitlufa minn sensiha.
Mill-ewwwel stħarriġ jidher li l-argument beda fil-kazin u eskala barra meta r-raġel allegatament ta daqqiet ta’ sikkina lil mara u ħarab minn fuq il-post. Sorsi nfurmati qalu li l-mara qalgħet ħames daqqiet ta’ sikkina tal-kċina u l-istess sikkina weħlet f’għonqha.
Il-kundizzjoni tagħha mill-ewwel dehret li kienet serja, tant li wara li ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza fuq il-post, kellha tiġi operata minnufih malli ddaħħlet l-isptar.
Ir-raġel li allegatament attakkaha, li għandu tlieta u tletin sena u joqgħod Ħal Safi, qed jinżamm arrestat.
Dan wara li ta ruħu b’idejh lill-Pulizija wara li diġà kienet bdiet it-tfittxija għalih. Fil-fatt, huwa mar id-Depot tal-Pulizija fil-Floriana mimli demm u b’feriti f’idejh.
Ir-raġel ġie arrestat minnufih u fi tfittxija li saret fuqu, instabet sustanza illegali suspettata droga.
Huwa ttieħed l-isptar għall-kura minħabba l-feriti li kellu, u wara li ngħata l-għajnuna, ittieħed lura d-Depot fejn beda jiġi interrogat.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalulna l-aggressur jidher li ħebb għal mara wara li qaltlu li riedet ittemm ir-relazzjoni.
Dan wara li allegatament ir-raġel, li huwa l-missier taż-żewġ uliedha, ttradiha diversi drabi.
L-eks sieħeb tal-vittma mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin fejn se jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil tal-eks sieħba tiegħu u li kellu fil-pussess tiegħu sustanza illegali.
Il-każ qed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett u mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Dwar il-każ infetħet ukoll inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.