Ġiet fi tmiemha ż-żjara ta’ tlitt ijiem li l-President ta’ Malta George Vella għamel fil-Polonja. L-għan ewlieni ta’ din iż-żjara kien is-sehem tal-President fil-kommemorazzjoni tal-75 sena mill-ħelsien ta’ Auschwitz-Birkenau min-Nażisti.
Barra minn hekk, matul din iż-żjara, il-President Vella kellu diversi impenji oħra. Fosthom huwa ltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Krakovja Marek Jedraszewski li miegħu kienu diskussi l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà Ewropea u kif qed jiġu affettwati l-valuri li jħaddnu l-Ewropej. L-Arċisqof wera interess kbir f’Malta, b’mod speċjali t-tradizzjonijiet reliġjużi u l-kultura ta’ pajjiżna.
Il-President Vella iltaqa’ wkoll mas-Sindku ta’ Krakovja, il-Professur Jacek Majchrowski, li ilu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar 17-il sena. Il-President ingħata rendikont ta’ kif il-Prof. Majchrowski biddel lill-belt ta’ Krakovja f’destinazzjoni turistika u ċentru għall-istudenti universitarji. Il-President wera ammirazzjoni lejn il-mod ta’ kif is-Sindku ta’ Krakovja rnexxielu jbiddel l-isfidi ta’ din il-belt Pollakka f’opportunitajiet billi tejjeb il-kwalità tal-arja, introduċa t-trasport bl-elettriku u indirizza b’suċċess l-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin fi Krakovja.
Il-President Vella kien mistieden jindirizza lill-istudenti ta’ Jagiellonian University, li hija l-eqdem waħda fil-Polonja u fost l-iktar prestiġġjużi fl-Ewropa, u tkellem dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun l-isfidi li qed tiffaċċja bħalissa d-dinja, fosthom tal-bidla fil-klima, il-faqar, it-traffikar tan-nies, u s-sigurtà. Il-President spjega fid-dettall x’għamlet Malta mal-medda taż-żmien biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet.
Meta kien f’din l-Università, il-President Vella kellu taħditiet mar-Rettur dwar il-possibilità ta’ koperazzjoni u skambji ta’ akkademiċi u studenti bejn Jagiellonian University u l-Università ta’ Malta. Il-President kellu l-opportunità wkoll li jżur il-binja storika tal-Università u l-Biblijoteka li fost oħrajn fihom oġġetti uniċi u prezzjużi li naqqxu l-istorja tal-kontinent Ewropew.