Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq – The Times – One News

Notifiki

Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq – The Times

L-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta ddikjara li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq.

Taħt it-titlu wake-up call for the PN, l-editorjal tal-gazzetta janalizza l-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Jgħid li d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-Partit Nazzjonalista se jiddeteriminaw il-ġejjieni tal-partit u jekk jibqax ħaj jew isirx irrelevanti.

Qal li fl-aħħar ġimgħat l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet muta u mhux effettiva. Saħansitra qal li l-ewwel jiem ta’ Robert Abela fit-tmexxija tal-pajjiż li sejħilhoma bħala fiduċjużi, taw aktar piż dak li tkellmet dwaru s-soċjetà ċivili minn kull tħassib ieħor tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Sostna li sakemm l-elettorat ma jqisx lill-Partit Nazzjonalista bħala l-gvern alternattiv, il-kap tal-oppożizzjoni qiegħed ifalli minn dmirijietu.

Irrimarka li dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat mexxa l-arloġġ lura għal dak li seħħ f’Lulju li għadda meta l-futur ta’ Adrian Delia kien imdendel b’ħajta.

Qal li dakinhar Delia rnexxielu jirbaħ iż-żmien meta kkonvinċa lill-partit tiegħu jistenna r-riżultat tar-riforma mmexxija minn Louis Galea li r-rakkomadazzjonijiet tiegħu għandhom jitħabbru fi tmiem dan ix-xahar.

Qal li dan ir-rapport qiegħed jinkiteb fi sfond ta’ partit li jinsab demoralizzat u partit mifrud. Saħansitra qal li l-firda li teżisti llum hija ikbar minn dik li kienn hemm fi żmien meta waqa’ l-Gvern ta’Lawrence Gonzi fl-2013.

L-editorjal żied jinnnota li biex il-partit nazzjonalista jiġbed lil eluf ta’ nies li abbandunawh bil-gzuz fl-2013 u fl-2017, irid jinbena ġebla ġebla.

Qal li l-isforzi ta’ Galea biex il-partit jerġa’ jieħu l-ħajja u joħroġ mill-qagħda finanzarja diżastruża li jinsab fiha ma tistax tirnexxi jekk il-partit ma jingħaqadx wara l-kap tiegħu.

Qal li Delia għandu jsibu il-mezz biex ifejjaq il-ġrieħi li darbu lill-partit fl-aħħar għaxar snin.

Fuq kollox saħaq li l-kwistjoni tat-tmexxija tal-partit Nazzjonalista hija relevanti aktar minn qatt qabel.

Dan fid-dawl tat-tranżizzjoni tajba tal-poter li seħħet fil-partit laburista. Qal li għalhekk huwa inevitabbli li jkunu xi jkunu r-rakkomandazzjoni tar-rifoma ta’ Galea, il-mistoqsija kruċjali tibqa l-kwalitajiet ta’ tmexxija li għandu Delia.

Fuq kollox sostna li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq bejn li jibqa’ ħaj u li jsir partit irrelevanti. Qal li l-għażliet li se jagħmel issa se jiddeterimanw il-futur tiegħu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend