Il-Bank Nemea li tliet snin ilu kellu l-liċenzja bankarja tiegħu rtirata mill-Bank Ċentrali Ewropew minħabba bosta nuqqasijiet serji, għad fadallu jagħti aktar minn tlettax-il miljun u mitejn elf ewro lill-klijenti tiegħu.
Il-Bank kellu lill-ex Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi fost id-diretturi tal-bank.
Dan joħroġ minn rapport tal-kumpanija tal-awdituri Price WaterhouseCooper li tqiegħed fuq il-mejda tal-kamra fil-jiem li għaddew.
Fl-2016, il-Bank Ċentrali Ewropew kien laqa’ t-talba tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzajrji, l-MFSA wara li baqa’ ma għamel l-ebda progress fuq bosta nuqqasijiet li kienu nstabu fit-tmexxija tal-bank u li kienu qajmu tħassib regolatorju serju.
L-MFSA kienet żvelat li sabet nuqqasijiet serji li ġegħluha tieħu azzjoni fil-konfront tal-bank. Kien għalhekk li l-bank Nemea li kien joffri bosta servizzi online, tpoġġa taħt il-kontroll tal-kumpanija tal-Awdituri Price Waterhouse Cooper.
Fir-rapport jingħad li l-bank kellu tnejn u sittin miljun ewro f’depożiti tal-klijenti. Sena wara l-MFSA nediet l-iskema li permezz tagħha l-klijenti bdew jingħataw parti minn flushom. Dan wara li ġie stabbilit li l-bank ma kellux flus biżżejjed biex iħallas dak kollu dovut minnu. B’mod individwali, il-klijenti kienu eleġibbli għall-kumpens ta’ mitt elf ewro. Permezz ta’ din l-iskema tħallsu total ta’ ħamsa u tletin miljun ewro.
Skont ir-rapport tal-kumpanija tal-awdituri, sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda, it-telf akkumulat mill-bank Nemea kien jammonta għal tnax-il miljun u sitt mitt elf ewro.
Fost id-diretturi tal-bank minbarra l-ekx prim ministru Lawrence Gonzi, kien hemm ukoll Joseph F.X. Zahra, li kien inħatar fuq kummissjoni speċjali dwar il-finanzi tal-Vatikan.