Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli, id-djalogu soċjali, u l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali, żar l-uffiċċji tal-Aġenzija MEUSAC (Malta EU Steering Action Committee) u l-MCESD (The Malta Council for Economic and Social Development). Huwa ltaqa’ mal-impjegati ta’ dawn iż-żewġ dipartimenti li jiffukaw fuq id-djalogu soċjali. Filwaqt li rringrazzjahom tas-servizz professjonali offrut, saħaq fuq l-importanza ta’ pjan ta’ ħidma ambizzjuża għal din is-sena li ġejja li tiffoka fuq il-komunikazzjoni mal-imsieħba soċjali fuq riformi soċjo-ekonomiċi u fuq il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea maċ-ċittadini.
Fil-qasam tal-MCESD, il-Ministru semma l-importanza li bħala poplu nitkellmu fuq l-isfidi li l-pajjiż qed jaffaċja, kemm dawk preżenti u dawk futuri. Qal kif id-djalogu soċjali li jsir primarjament fi ħdan l-MCESD bejn il-Gvern, min iħaddem, u r-rappreżentati tal-ħaddiema, għandu jibqa’ jwassal għal iżjed rekommandazzjonijiet fuq materji soċjo-ekonomiċi, bl-għan għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Fil-qasam tal-MEUSAC semma li din l-aġenzija hija ferm relevanti sabiex tixpruna konsultazzjoni fuq liġijiet u direttivi mill-Unjoni Ewropea li jkunu għadhom fil-bidu, kemm ma’ entitajiet tal-Gvern u anke NGOs. B’hekk, Malta bħala pajjiż tkun tista’ tgħaddi rispons lill-Unjoni Ewropea u b’hekk tikkontribwixxi għat-tibdil li jkun meħtieġ li jsir fihom.
Il-Ministru Abela qal kif dan huwa ferm iżjed importanti f’dawn iż-żminijiet fejn riċentament ingħata l-bidu ta’ Kummissjoni Ewropea, fejn il-President Ursula von der Leyen ħabbret l-oqsma li tixtieq timbotta ’l quddiem. Fosthom hemm l-isħubija bejn l-Unjoni Ewropea mal-Afrika bħala sieħeb strateġiku kummerċjali u l-European Green Deal, li jikkonsisiti f’miżuri ambizzjużi li għandhom jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej jibbenefikaw minn tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli. Qal li din, fost ħafna oħrajn, hija miżura ferm essenjali li tmiss mal-portafoll tal-iżvilupp sostenibbli, qasam ieħor ta’ prijorità fi ħdan il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Tkellem ukoll fuq il-funzjoni tal-Aġenzija li tgħin Għaqdiet Non-governattivi u Kunsilli Lokali sabiex jingħataw assistenza fuq il-mili ta’ applikazzjonijiet għal fondi tal-Unjoni Ewropea. Hawn huwa semma l-ħtieġa ta’ iżjed kampanji edukattvi u ta’ informazzjoni qrib is-soċjetà dwar il-programmi ta’ fondi Ewropej u benefiċċji oħrajn li ċ-ċittadini Maltin għandhom bħala membri tal-Unjoni Ewropea.