Id-dinja ssellem il-vittmi tal-Olokawst bil-wegħda ta’ ‘qatt aktar’ – One News

Notifiki

Id-dinja ssellem il-vittmi tal-Olokawst bil-wegħda ta’ ‘qatt aktar’

I have been through it. I couldn’t understand why. But to damn a whole race for nothing more but their race, I think was the greatest evil that ever happened…

Din kienet ir-realtà kiefra ta’ Ruth Posner, li llum għandha 86 sena u qed tirrakonta l-attroċitajiet tal-Olokawst f’bosta skejjel f’Londra. Iżda Ruth kienet waħda mill-ftit fortunati li b’xi mod irnexxielhom jaħarbu mill-kamp tal-konċentrament.

Kull sena fil-Jum Dinji li jfakkar l-Olokawst, jiġifieri s-27 ta’ Jannar, il-komunità dinjija tfakkar kif fost l-oħrajn, sitt miljun Lhudi inqatlu mir-reġim Nazista ta’ Adolf Hitler. Filfatt l-Olokawst għadu s’issa mnaqqax fl-istorja bħala l-agħar ġenoċidju li qatt rat id-dinja, u għal darb’oħra l-mexxejja dinjija ingħaqdu fil-wegħda ta’ ‘qatt aktar’. Auschwitz, il-post fejn din is-sena saret iċ-ċerimonja ewlenija, kien biss wieħed mis-siti meqjusa bħala fabbriki tal-mewt li raw attroċitajiet u inġustizzji fuq il-priġunieri għal snin sħaħ.

F’ċerimonja f’Amsterdam, l-Olanda, spikkat l-apoloġija storika tal-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte, li f’isem il-Gvern immexxi minnu skuża ruħu għall-fatt li pajjiżu ma pproteġiex il-Lhud fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Qal li filwaqt li huwa minnu li xi ċittadini Olandiżi irreżistew l-ordnijiet tan-Nazisti, parti sostanzjali tal-poplu għażlet li tobdi, tant li huwa stmat li b’kollox aktar minn mitt elf Lhudi li kienu jgħixu l-Olanda inqatlu.

Fil-Polonja, il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kienu parti miċ-ċermonja li fakkret il-75 anniversarju ta’ dan il-ġenoċidju, li saret barra l-grada ta’ Auschwitz.

Hawnhekk il-President Vella tenna l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn li fihom jingħaddu messaġġi tant b’saħħithom. “Il-messaġġ huwa ‘never again’, imma jiddispjaċini ngħid li waqt li qed ngħidu hekk għaddejjin atti madwar id-dinja f’postijiet qrib u ‘l bogħod fejn fuq skala żgħira jew kbira, xorta għadha ssir id-diskriminazzjoni razzjali, etnika u kulturali, fejn ċertu nies iħossuhom imwarba u mgħedda. Dan hu l-messaġġ li jrid jasal”.

Ma’ ONE News il-Ministru Evarist Bartolo fakkar l-importanza li wieħed jirrispetta l-istorja u ma jitlifx l-umanità tiegħu, għaliex ħruxija bħal ma kienet l-Olokawst kapaċi terġa’ titwettaq jekk il-bniedem ma jitgħallimx jgħix ma’ għajru.

“Irridu nsibu modi, diffiċli kemm huma diffiċli, biex ngħixu flimkien. Malli nitilfu l-umanità tagħna u nies differenti minna inqisuhom inqas minna, insiru mostri u nkunu kapaċi nagħmlu l-akbar ħruxija. Ejja ma nkunux komdi ngħidu li dawn għamluhom in-Nazisti ta’ Hitler. Jiena nemmen li kull wieħed u waħda minna jekk ma noqgħodux attenti, jekk nitilfu l-umanità tagħna, kapaċi nwettqu ħruxijiet bħal dawk li twettqu fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz”.

Intant, filwaqt li l-President Pollakk u dak Iżraeljan qegħdu kuruni tal-fjuri fil-kamp tal-konċentrament li kien ġie liberat mit-truppi Sovjetiċi, spikka n-numru ta’ persuni li salvaw mir-reġim Nazista. Fuq wiċċhom spikkat l-espressjoni ta’ dieqa, għaliex għalkemm għaddew tliet kwarti ta’ seklu, it-terrur li raw quddiemhom jibqa’ jidwi f’ħajjithom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend