Ara s-suċċessi li kiseb Kobe Bryant u li issa ntemmu b’traġedja – One News

Notifiki

Ara s-suċċessi li kiseb Kobe Bryant u li issa ntemmu b’traġedja

5 titli, 18-il nominazzjoni All-Star, żewġ midalji olimpiċi tad-deheb, familja mill-isbaħ u l-ammirazzjoni ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Dak hu l-legat li ħalla warajh il-leġġenda tal-NBA Kobe Bryant wara li l-Ħadd filgħaxija fl-età ta’ 41 sena tilef ħajtu f’inċident traġiku b’helikopter fl-inħawi ta’ Calabasas f’Kalifornja.

Fost id-disa’ persuni li tilfu ħajjithom f’dan l-inċident kien hemm ukoll it-tifla tiegħu Gianna Maria Onore li sfortunatament ħalliet din id-dinja fl-età ta’ 13-il sena.

L-ewwel li rrapporta l-inċident kien is-sit TMZ hekk kif spjega li l-inċident bil-ħelikopter tat-tip Sikorsky S-76B seħħ kawża taċ-ċpar li ħakem iż-żona. 

Il-Ħadd filgħaxija spikka r-rispett li kellu dan l-atleta madwar id-dinja hekk kif bosta atleti, ċelebritajiet, uffiċjali għolja ta’ pajjiżi differenti u miljuni ta’ nies li segwew il-karriera ta’ Bryant sellmu lil dan il-plejer.

Kobe Bryant twieled f’Philadelphia fl-1978 u kien iben Joe Bryant li wkoll kellu karriera fl-NBA u anke fl-Italja. Fil-fatt għal sentejn Bryant għix f’Reggio Calabria, Pistoia u Reggio Emilia.

Minn hemm Bryant mar lura l-Amerika fejn kellu karriera mill-aqwa fl-iskola Lower Merion.

Is-suċċess li kiseb f’età tant żgħira laqtu l-għajn ta’ diversi timijiet mill-NBA biex b’hekk fl-NBA Draft tal-1996 huwa kien magħżul mix-Charlotte Hornets.

Dak il-lejl stess ġie mpartat għat-tim tal-Los Angeles Lakers.

Minn dakinhar Bryant beda karriera ta’ 20 sena mal-Lakers. Karriera li fost oħrajn ġabet magħha ħames titli.

Fost oħrajn Bryant kiseb ukoll żewġ midalji olimpiċi tad-deheb f’Beijing u Londra, it-titlu tal-aqwa atleta fl-NBA fl-2008 u 18-il nominazzjoni All-Star.

Madankollu Bryant ser jibqa’ mfakkar l-aktar għall-atteġġjament tiegħu lejn il-logħba tal-basketball. Attaġjament li ġablu l-isem ta’ “The Black Mamba.“

Dan għaliex Bryant kien magħruf għall-grinta li biha kien jilgħab l-logħba tal-basketball.

Fl-2016 Kobe Bryant irtira mil-logħba li tant kien iħobb. Dan wara li weġġa’ għal diversi drabi.

Minn dakinhar Kobe ddedika ħajtu għall-familja tiegħu. Partikolarment huwa kien qed ikun ta’ spalla għal bintu, Gianna li sa minn età żgħira bdiet turi li wirtet it-talent li kellu missierha għall-logħba tal-basketball.

Malli ħarġet l-aħbar il-Ħadd filgħaxija folla kbira ta’ nies inġabret quddiem Staples Centre fejn għal għoxrin sena huma segwew lill-atleta favorit tagħhom.

Atleta li f’karriera ta’ għoxrin sena mhux biss paxxa dawk li jqumu u jorqdu għall-isport iżda serva bħala sors ta’ motivazzjoni għal miljuni madwar id-dinja.

 

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend