L-ordni ma kinitx biex twaqqaf xogħlijiet permessi bil-liġi – One News

L-ordni ma kinitx biex twaqqaf xogħlijiet permessi bil-liġi


L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, L-ERA, qalet li l-ordni ta’ waqfien u infurzar li ħarġet f’Novembru li għadda fuq ix-xogħlijiet li qed isiru f’Wied Qirda, ma kinitx maħsuba biex twaqqaf xogħlijiet li huma permessi bil-liġi.

Fix-xhur li għaddew, Infrastruttura Malta bdiet xogħol biex issewwi triq f’Wied Qirda biex terġa’ tkun sigura għall-pubbliku.

Fi stqarrija konġunta bejn iż-żewġ entitajiet, l-ERA qalet li l-ordni ħarġet biex tkun infurmata fuq il-metodoloġija tax-xogħlijiet u sabiex tiżgura li jkun hemm l-inqas impatt fuq l-ambjent tal-inħawi.

L-istqarrija żżid tgħid li l-Awtorità ħarġet l-ordni biex taċċerta li kull xogħol f’dawn l-inħawi jitwettaq skont il-pjan approvat, u li l-kuntratturi japprezzaw l-importanza ekoloġika ta’ din iż-żona.

Qalet li wara li ħarġet l-Ordni ta’ Infurzar, il-kuntratturi tal-aġenzija neħħew l-asfalt minn medda ta’ art ta’ madwar 70 metru kwadru lil hinn mill-wisgħa tat-triq oriġinali.

L-ERA żiedet li fil-jiem li ġejjin se jibdew xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tas-sisien tat-triq u ta’ ħitan tas-sejjieħ li ġġarrfu kawża ta’ trakk li nqaleb fl-istess wied.

L-Awtorità qalet li se tevalwa l-intervent sħiħ li se jsir u se tipproponi aktar miżuri ta’ protezzjoni.

Qalet li meta jitlesta x-xogħol se tkompli ssegwi dawn l-inħawi biex tassigura li l-wied reġa’ lura għall-istat naturali tiegħu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend