L-awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA kompliet l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Dan permezz ta’ għajnuniet direttament lil dawk kollha fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
F’dawn il-jiem l-Awtorita tellgħet workshop għall-industrija sabiex entitajiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jipproteġu lilhom infushom milli jintużaw bħala mezz għal reati finanzjarji.
L-uffiċjal kap għas-Superviżjoni fi ħdan l-Awtorità Marianne Scicluna spjegat li l-MFSA qiegħda taħdem sabiex iddaħħal konformità kontra reati finanzjarji. Fost oħrajn qalet li qed tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtorita u l-aġenzija Maltija kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU.
“Dan l-aħħar żiedna ħafna anke r-riżorsi u biddilna l-proċess ta’ kif naħdmu aħna u l-FIAU flimkien. Qed nengagjaw mal-FIAU mill-bidu tal-proċess anka meta tkun qed tiġi lliċenzjata kumpanija imbagħad qed naħdmu iktar mill-qrib once li tiġi liċenzjata kumpanija fil-ħidma superviżorja tagħna. Għandna lill-esperti minn barra wkoll biex iħarrġi lill-istaff tagħna.”
Matul il-laqgħa ġew spjegati wkoll il-prinċipji kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, filwaqt li ġie diskuss ukoll il-qafas regolatorju tal-aħħar tliet direttivi Ewropej kontra l-ħasil tal-flus.
Il-konsulent Federica Taccogna qalet li flimkien ma’ dawn, il-parteċipanti setgħu wkoll jinfurmaw ruħhom dwar x’metodi jintużaw minn kriminali sabiex jaslu biex iwettqu r-reati tagħhom.
“One of the most important measures is for firms to understand how they can be exploited by criminals to launder funds or to perpetrate terrorist financing. Just by understanding how they can be used they can put in place much more meaningful controls.”
Matul il-laqgħa l-parteċipanti kienu infurmati wkoll dwar x’responsabilitajiet ikollhom jekk jiltaqgħu ma’ każijiet li jqajmulhom xi suspett.