Suċċess kbir ieħor għall-MPE Alex Agius Saliba fil-Kumitat għall-Impjiegi tal-Parlament Ewropew.
“Fost affarijiet oħra, illum irbaħna battalja importanti fil-Kumitat għall-Impjiegi. Temmejna tentattivi politiċi li jippruvawjimminaw l-importanza tal-Fond Ewropew għal Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn,”qal il-MPE Agius Saliba.
“Bħala medja, aktar minn persuna waħda minn kull ħames persuni u wieħed minn kull erbat itfal għadhom fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea. Huwa għalhekk li l-Unjoni għandha tibqa’ impenjata li tgħin u ttaffi l-agħar forom ta’ faqar, bħall-privazzjoni alimentari, in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni, u l-faqar fost it-tfal,” żied jgħid il-MPE.
Fil-Kumitat tal-Impjiegi il-gruppi politiċi vvutaw b’appoġġ b’saħħtu favur is-sitt rapporti, l-emendi u l-proposti kollha li ġew introdotti mill-MPE Agius Saliba. “Ninsab sodisfatt li l-gruppi politiċi differenti vvutaw favur l-emendi tiegħi. Għalija personali, din kienet l-ewwel darba li kelli r-responsabbiltà tar-rapporti f’isem il-grupp politiku tiegħi, u ninsab kuntent ħafna bir-riżultati pożittivi u l-appoġġ li ksibt. Huwa nkoraġġanti meta wieħed jara fil-prattika kif ix-xogħol tiegħu jista’ jtejjeb il-ħajja tal-ħaddiema Ewropej u tal-impjegati,” qal il-MPE Agius Saliba ftit wara l-votazzjoni.
Il-Kumitat tal-Impjiegi fil-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira fuq sitt rapporti ta’ kwittanza għall-aġenziji Ewropej tal-impjiegi, inkluż dwar il-baġit ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala kelliem u shadow rapporteur Soċjalista għas-sitt rapporti, il-MPE Agius Saliba qal: “Kien ta’ unur għalija li ġejt fdat b’dan l-irwol importanti fl-iskrutinju tal-infiq tal-fondi pubbliċi mill-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tal-impjiegi tal-UE. Ninsab kuntent li xogħli ġie rikonoxxut b’mod pożittiv u appoġġat mill-gruppi politiċi kollha.”
Fil-ħidma tiegħu, il-MPE Agius Saliba ffoka fuq l-importanza u l-ħidma ta’ kwalità għolja tal-aġenziji individwali, kif ukoll fuq l-iżgurar li jkun hemm persunal u riżorsi adegwati għall-kompiti u l-isfidi futuri li l-UE tista’ tiffaċċja. Il-MPE Agius Saliba kompla jgħid li l-ħidma tal-aġenziji tal-impjiegi hija importanti, u jagħmlu differenza għall-partijiet interessati involuti.