Impjegata fid-Dipartiment tal-VAT ġiet ikkundannata sentejn u sitt xhur ħabs wara li l-Qorti tal-Appell reġgħet ikkonfermat li hija nstabet ħatja ta’ ħasil tal-flus u pussess ta’ droga fost l-oħrajn.
Il-Qorti sabet lil Ruth Gatt ħatja ta’ dan fl-2015. Fl-2009, kienet affaċjat akkużi l-Qorti li għenet lil impjegat ieħor, Nigel John Abela, jirċievi flus biex inaqqas il-kontijiet tal-VAT għal terzi persuni.
Jidher li Gatt u Abela fetħu kont bankarju flimkien wara li bdew relazzjoni, iżda Abela eventwalment talab lil Ruth Gatt biex jinfetaħ kont f’isimha. Dan biex ikun jista’ jaħbi xi flus minn martu waqt il-proċeduri ta’ separazzjoni.
Ruth Gatt qalet li ma kinitx taf minn fejn kienu ġejjin dawn il-flus.
Fl-2015, Abela ammetta li tħallas bejn mija u ħamest elef ewro f’tixħim, u semma tliet impjegati oħra li kienu nvoluti f’din il-iskema. Ammetta wkoll li l-vizzju tad-droga kien qed jiswieħ tliet mitt ewro kuljum.
L-ewwel Qorti kienet tat sentenza ta’ tliet snin priġunerija u multa ta’ kważi elfejn ewro lil Ruth Gatt fl-2015 minħabba l-involviment tagħha f’dan il-każ. Hija appellat mis-sentenza u qalet li ma nvolvietx ruħha fil-każ b’intenzjoni ta’ ħasil tal-flus.
Il-Qorti tal-Appell iżda qalet li l-akkużata kienet tiffirma ċċekkijiet u tgħaddihom lil Abela skont struzzjonijiet li kienet tingħata. Għalhekk hija kienet strument tas-segretezza fil-każ, u l-kont bankarju li kellha f’isimha kien qed jintuża biex jaħbi l-identità u l-attivitajiet finanzjarji ta’ Nigel John Abela, li hija forma bażika ta’ ħasil tal-flus.
Ruth Gatt kienet akkużata wkoll li għaddiet informazzjoni kunfidenzjali dwar persuni reġistrati mad-Dipartiment, u għalhekk kisret is-sigriet tal-professjoni.
Wara li Gatt ilmentat li s-sentenza mgħotija mill-ewwel Qorti ma kinitx raġjonevoli, il-Qorti tal-Appell tatha sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs.