L-avukat mill-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista, Andrew Borg Cardona sejjaħ bħala ġust l-offiża ta’ Godrey Leone Ganado meta għajjar lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar bħala qaħba.
Borg Cardona qal dan il-Ħamis filgħodu meta kompla jinstema’ l-każ ta’ libell li fetħet Cutajar lill-artikolist tal-Partit Nazzjonalista Godfrey Leone Ganado.
“However, Ħamalli, prostitutes and call girls, have the right to be represented in Parliament” kien kiteb Godfrey Leone Ganado fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Andrew Borg Cardona saħansitra wasal biex qal li dan l-insult għamel lil Rosianne Cutajar aktar popolari u m’għandiex għalfejn tħossha mmalafamata.
Insinwa li bis-saħħa ta’ dan il-kummment hija ngħatat promozzjoni fil-kabinett u saret Segretarju Parlamentari.
Borg Cardona żied għid li b’dan il-kliem, kienu qegħdin jagħmlulha pjaċir għax ħadet promozzjoni għal Segretarju Parlamentari fil-qasam tal-Ugwaljanza.
B’reazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cuatajar qalet li dan id-diskors huwa skandaluż u juri insensittivita kbira u disrispett kbir lejn il-mara u d-dinjità tagħha.
Hija wegħdet li fil-pożizzjoni l-ġdida tagħha ta’ Segretarju Parlamentari ser tiddedika l-ħin kollu tagħha biex tkompli taħdem favur id-dinjità tal-bniedem, tal-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli u tal-Ugwaljanza.
Is-sentenza dwar dan il-każ se tingħata fl-24 ta’ Marzu.