Il-qalba tal-lokalità tal-Imqabba bdiet tieħu dehra ġdida. Dan grazzi għall-proġett ta’ riġenerazzjoni li fil-ġimgħat li ġejjin se jidħol fit-tielet fażi tiegħu li tinkludi l-bini ta’ ġibjun ġdid li se jilqa’ fih l-ilma tax-xita.
Minbarra dan, se jibda x-xogħol fuq it-tisbieħ tal-pjazza, disinn ġdid tat-triq, tneħħija tal-wires minn mal-faċċati tad-djar, sistemi ta’ lqugħ u tibdil ta’ servizzi u roundabout ġdida.
Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia qal li dan il-proġett se jindirizza bosta sfidi fil-lokalità.
“L-ewwel fażi diġà tlestiet jiġifieri din ta’ quddiem il-każin tal-Ġilju mbagħad qed ngħaddu għat-tieni fażi u t-tielet fażi li bħalissa għaddej ix-xogħol warajna hawnhekk. Fejn qed inqabbdu sistemi ta’ culverts, culverts li ser ikomplu jtaffu l-problema tal-għargħar permezz ta’ underground illi nħaffru l-istorm water u jibqa’ nieżel għal-ġibjun illi ser jitħaffer fiż-żmien illi ġej ukoll.”
Is-Sur Farrugia qal li aktar tard tissokta r-raba’ u l-ħames fażi tal-proġett li jikkonsistu fi tqegħid ta’ servizzi li jridu jgħaddu minn taħt il-pjazza u tħejjija għall-pavimentar.
Żied li permezz ta’ dan il-proġett ambizzjuż se jissolvew bosta diffikultajiet kbar li ħabbtu wiċċhom ir-residenti.
“Tibda min-naħa ta’ fuq tal-lokal jiġifieri l-ilma ta’ li kien jinżel min-naħa ta’ fuq jgħaddi kollu minn ġol-pjazza u jibqa’ nieżel għal Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija proprju fil-bypass. B’din is-sistema, b’din riġenerazzjoni ser ikollha kollox underground għalhekk ser isiru dawn il-culverts sabiex kollox jgħaddi minn taħt l-art u ovvjament l-pjazza nkomplu ngawduha bl-isbuħija tagħha.”
Il-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg qal dan il-proġett huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-livell tal-għajxien fl-ibliet u l-irħula Maltin.
“Ċentru tipiku ta’ raħal illi għad fadallu għall-grazzja t’alla dik il-pjazza ta’ fejn jiltagħu fiha n-nies u qed naraw kif nsebbħuha jekk hux l-għamara tat-toroq, jekk hux il-wiċċ u l-infrastruttura illi hemm bżonn allura dawk illi jinżlu taħt l-infrastruttura ma jidhrux ikomplu wkoll jsebbħu l-madwar. Ħafna drabi jkun madwar il-knisja ċ-ċentru ta’ kull lokal. Tibda bil-knisja, bil-pjazza mbagħad id-djar illi qed ngħinu biex jkunu konservati wkoll bl-iskemi bħal Irrestawra Darek.”
Il-proġett mistenni jitlesta sa Mejju li ġej.