Ara kif it-tfal tal-iskola kabbru diversi siġar li kienu qed jintilfu f’Malta – One News

Ara kif it-tfal tal-iskola kabbru diversi siġar li kienu qed jintilfu f’Malta

Kif tkabbar is-siġar, kif tieħu ħsieb l-ambjent u l-annimali, kif tirriċikla l-iskart u l-iżvilupp sostenibbli kienu t-temi ewlenin f’fiera organizzata min-Nature Trust Malta, fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun, fejn għar-raba’ sena konsekuttiva madwar sitt mitt student qed jipparteċipaw diversi tfal minn skejjel differenti minn madwar Malta.

B’entużjażmu xi studenti qalulna x’jagħmlu bħala skola sabiex jibżgħu għall-ambjent ta’ madwarhom.

Din il-fiera tipprovdi opportunità lill-istudenti biex jitgħallmu dwar l-ambjent mill-preżenza ta’ bosta entitajiet li kienu qegħdin jagħtu informazzjoni dwar suġġetti relatati mal-edukazzjoni ambjentali u edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.

Fost dawn kien hemm rappreżentanti minn Ambjent Malta, li saħqu, li l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tfal qed tħalli effet kbir fuq in-natura Maltija, fosthom fejn jidħlu siġar endemiċi.

Fi żjara f’din l-iskola u fl-ewwel appuntament tiegħu bħala Ministru għall-Edukazzjoni, il-Ministru Owen Bonnici faħħar inizjattivi ta’ din ix-xorta minħabba li jedukaw u jżidu l-għarfien fuq l-importanza tal-ambjent ta’ madwarna.

Stqarr li l-parteċipazzjoni tal-istudenti madwar Malta u Għawdex fil-Programm tal-EkoSkola hija ta’ 83%.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnic elenka x’ser tkun waħda mill-ewwel prijoritajiet tiegħu f’dan l-irwol ġdid.

Il-Ministru żied jgħid li jrid ibiddel l-idea li l-edukazzjoni tispiċċa meta xi ħadd jagħlaq 18-il sena, fejn tenna li ser jaħdem sabiex aktar nies jibqgħu jitħarġu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *