Autocross: Bernard Sammut jirbaħ fl-Enduro – One News

Notifiki

Autocross: Bernard Sammut jirbaħ fl-Enduro

Nhar il-Ħadd li ġej 26 ta’ Jannar 2020 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ser tkompli bit-tiġrijiet tal-Karozzi Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020. Din il-ħames attività tal-istaġun issir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fil-11:00 ta’ filgħodu.

Ħarsa ħafifa lejn il-klassifika wara tliet tiġrijiet naraw li fil-Kampjonat Nazzjonali Autocross Modified insibu lill Andrew Pisani fuq Opel Nova jilleadja din il-klassi segwit minn Karl Micallef fuq Opel Corsa u Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 rispettivament. Fil-Klassi B naraw lill Jonathan Camilleri fuq Opel Nova jilleadja din il-klassi segwit minn Ryan Scicluna u Noel Vella it-tnejn fuq karozzi Ford Fiesta.

Fil-Klassi Autocross Standard bħalissa naraw lil Kyle Agius fuq Opel Nova jilleadja l-Klassifika segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella flimkien ma’ Nicovich Chircop fuq Peugeot 106.

Intant nhar il-Ħadd li għadda 19 ta’ Jannar 2020 ġiet organizzata t-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020 fil-barriera tal-Ballut Limiti tan-Naxxar. Għal din l-attività irreġistraw 19 il-kompetitur maqsuma f’erba klassijiet.

Għal darb’oħra rajna lill Bernard Sammut fuq mutur Beta jkompli jiddomina fejn mill-bidu ta din l-attività deher veloċi. Fuq korsa ta 3.5 kilometri Sammut iddomina mill-ewwel il-kwalifikazzjoni b’ħin ta 4 minuti 29.94 sekondi u kompla jtejjeb il-ħin tiegħu matul l-ewwel tiġrija b’ħin ta 4 minuti 22.98 sekondi. Fit-tieni Heat irnexielu jniżżel il-ħin għal 4 minuti 16:92 sekondi. Sammut rebaħ kemm il-klassi kif ukoll l-Overall tal-ġurnata b’ħin totali ta 8 minuti 39.89 sekondi segwit minn Matthew Gauci fuq mutur Sherco b’ħin totali ta’ 9 minuti 5:87 sekondi filwaqt li fit-tielet post daħal James Zahra fuq mutur Sherco b’ħin 9 minuti 45.42 sekondi.

Fil-Klassi B kellna dawn ir-riżultati. Kyle Stone fuq mutur KTM kompla jiddomina din il-klassi fejn għal darb’oħra rebaħ din klassi b’ħin totali ta’ 11 il-minuta 19.99 sekondi segwit minn Krist Falzon fuq mutur Husqvarna b’ħin ta’ 13-il minuta 25.33 sekondi.

Fil-Klassi C rajna lil Jamie Vassallo fuq mutur KTM jirbaħ din il-klassi b’ħin 13-il minuta 30.64 sekondi segwit minn Daniel Sammut fuq mutur KTM b’ħin ta 15-il minuta 23.03 sekondi.

Fi Klassi D tal-Juniors Riders rajna lill Julian Scicluna fuq mutur Beta jirbaħ din il-klassi b’ħin ta 14-il minuta 32.79 sekondi segwit minn Antoine Muscat fuq mutur KTM b’ħin ta’ 17-il minuta 18.12 sekondi.

Attività oħra Enduro ħa ssir nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020 fl-Imqabba u tibda fl-10:00 ta’ filgħodu. Intant, il-Kumitat Eżekuttiv fuq parir tal-Kumitat Autocross iddeċieda li l-attività l-Ħadd 12 ta’ Jannar 2020 li twaqqfet minħabba l-maltemp, se titkompla nhar it-Tnejn 10 ta’ Frar 2020, ġurnata ta’ festa pubblika u tibda f’12:00.

Iktar informazzjoni wieħed jista’ jsibha wkoll fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista’ jagħmel kuntatt bl-email:- [email protected]

Ritratti: Mario Micallef

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend